Il-President George Vella ħeġġeġ lill-komunità Maltija fl-Awstralja, li issa daħlet fit-tielet u r-raba' ġenerazzjoni, biex tibqa' attiva bil-għan li d-drawwiet u t-tradizzjonijiet Maltin ma jintilfux maż-żmien.
Waqt avveniment organizzat mill-Ministru għall-Affarijiet Multikulturali, Zoe Bettison, f'Adelaide fl-istat ta' South Australia, il-President Vella qal li l-komunitajiet tal-Maltin ta' barra huma parti mill-familja estiża tagħna. Huma parti minn Malta u Għawdex. Stqarr li jħoss li huwa dover tiegħu li jiltaqa' u jżomm kuntatt magħhom.
Il-President Vella osserva li waqt li l-għadd ta' Maltin f'dan l-istat huwa iżgħar minn dak fi stati oħra Awstraljani, jinsab impressjonat li hemm tal-inqas seba' assoċjazzjonijiet u entitajiet oħra li jassistu lill-komunità Maltija, jew li jorganizzaw attivitajiet bil-għan li jżommu t-tradizzjonijiet Maltin ħajjin. “Dan huwa eżempju eċċellenti ta' kif, waqt li tinsabu integrati b'mod sħiħ fil-ħajja Awstraljana, permezz tal-professjonijiet, il-familji u l-passatempi, bqajtu żżommu l-karatteristiċi li jżommukom Maltin u Għawdxin f'qalbkom", żied jgħid il-President.
Il-President qal li mill-aħħar laqgħa li kellu mal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra, ix-xahar li għadda, seta' jinnota li r-rappreżentanti mill-Awstralja fuq dan il-Kunsill kienu u għadhom fost l-aktar attivi u entużjasti biex iħarsu l-interessi tal-komunità Maltija fl-Awstralja. Irrimarka bi pjaċir li għamlu enfasi fuq il-ħtieġa li jippromwovu l-kultura Maltija u anke l-istorja Maltija, speċjalment mal-ġenerazzjoni żagħżugħa ta' Maltin fl-Awstralja.
F'Adelaide, il-President Vella kellu wkoll laqgħa mal-Gvernatur ta' South Australia, Frances Adamson. Mas-7,800 persuna f'South Australia huma ta' dixxendenza Maltija. Ħafna mill-Maltin emigraw lejn dan l-istat Awstraljan fis-snin ħamsin u sittin. Kien hemm grupp iżgħar li emigraw fis-sebgħinijiet.
Fl-aħħar impenn tiegħu fl-istat ta' Victoria, il-President Vella żar il-klabb Caroline Springs George Cross FC li għandu storja twila fil-futbol. Hawnhekk il-President kellu laqgħa sabiħa minn għadd kbir ta' Maltin li attendew għall-attività. F'kelmtejn tal-okkażjoni, il-President Vella qal li dan il-klabb huwa xhieda b'saħħitha ta' kif l-identità Maltija – f'dan il-każ dik sportiva – baqgħet tiġi mġedda matul is-snin. Irrimarka li klabbs bħal dawn servew u għadhom iservu ta' post fejn il-Maltin jiltaqgħu u jkunu ta' sapport għal xulxin. Stqarr li għalih din il-laqgħa kienet esperjenza ta' emozzjoni meta jara ġenerazzjonijiet differenti tal-komunità Maltija flimkien. Il-President iltaqa' wkoll ma' grupp ta' tfal, ħafna minnhom ta' nisel Malti, li jitħarrġu ma' dan il-klabb. F'din l-attività ħadet sehem ukoll il-banda 'MMG Concert Band of Victoria'.
Id-delegazzjoni tal-President fl-Awstralja tinkludi lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi.