gov.mt

pr231685

PR231685

26/10/2023

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Issiġillat il-ftehim biex tiżdied il-paga minima kull sena għall-erba' snin li ġejjin

​


 

Apparti ż-żidiet ta' kull sena li jingħataw bil-COLA

 

Il-Gvern qed iwettaq wegħda elettorali oħra, dik li jżid il-Paga Minima Nazzjonali. Kien għalhekk li aktar kmieni din is-sena ħatar il-Low Wage Commission, li ġabet flimkien l-imsieħba soċjali flimkien ma' rappreżentanti tal-Gvern biex tipproponi kif iż-żieda għandha tingħata.

 

Rakkomandazzjonijiet li l-Gvern qiegħed jilqa' u jimplimenta; bil-ħidma tal-Gvern dejjem żammet u se tibqa' żżom il-ħaddiema fiċ-ċentru tal-ħidma filwaqt li nkomplu ngħinu lil kulħadd ikompli jimxi 'l quddiem fis-soċjetà.

B'dan il-ftehim, ifisser li l-Paga Minima Nazzjonali se tkun qed tiżdied gradwalment kull sena għall-erba' snin li ġejjin. Dan apparti ż-żidiet li ta' kull sena jingħataw bil-COLA.

 

B'din iż-żieda tfisser li dawk li sal-lum għandhom paga minima ta' €192.73 fil-ġimgħa, f'Jannar 2024 se tkun qed tiżdied għal €213.54 fil-ġimgħa.

 

Fil-fatt, mill-1 ta' Jannar 2024, il-paga minima ta' kulħadd trid tiġi aġġustata għal €200.73, li biż-żieda bil-COLA, tfisser li se tiżdied għal €213.54.

 

Għalhekk, min għandu paga minima li tvarja bejn €192.73 u €198.73 fil-ġimgħa, fl-2024 qed jieħu żieda ta' bejn €2 u €8 fil-ġimgħa apparti l-COLA statutorja għall-2024. Min għandu paga li taqbeż il-€198.73 iżda mhux l-€200.73 fil-ġimgħa, jieħu d-differenza, u magħha l-COLA statutorja għall-2024.

 

Jiġifieri, il-Paga Minima għal min għandu tmintax-il sena jew aktar, mis-sena d-dieħla 'l quddiem se tkun kif ġej:

 

  • 2024: €200.73 + COLA 2024
  • 2025: €203.73 + COLA 2024 u COLA 2025
  • 2026: €206.73 + COLA 2024, COLA 2025 u COLA 2026
  • 2027: €210.73 + COLA 2024, COLA 2025, COLA 2026 u COLA 2027

 

B'dan kollu jfisser li l-Paga Minima Nazzjonali bejn l-2024 u l-2027 se togħla bejn €12 u €18 fil-ġimgħa minbarra l-COLA statutorja li trid tingħata fil-perjodu msemmi.

 

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Socjali Andy Ellul sostna li din iż-żieda tirrifletti ħidmet il-Gvern biex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin u jippremja l-bżulija tal-ħaddiema Maltin. Irringrazzja lill-membri kollha tal-Kummissjoni, lill-imsieħba soċjali u kif ukoll lill-konsulent tekniku Dr Gordon Cordina, għall-ħidma mwettqa fl-aħħar xhur li wasslet għal dan il-ftehim.

​​ 

​