gov.mt

pr231761

PR231761

10/11/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

​​

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jirreferi għall-istqarrija tal-Unjin tal-Għalliema (MUT) fejn tħabbru azzjonijiet industrijali b'rabta man-negozjati dwar ftehim kollettiv ġdid.

 

Il-Ministeru jiċċara li l-Gvern hu impenjat li b'rieda tajba jkompli n-negozjati għal dan il-ftehim kollettiv, tant li hemm laqgħa skedata ta' konċiljazzjoni għal nhar it-Tnejn li ġej. 

 

Fuq il-mejda tan-negozjati l-Gvern diġà poġġa proposti li huma sostanzjali, sostenibbli u li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-edukaturi f'pajjiżna.

 

Il-Ministeru jqis l-azzjonijiet imħabbra f'dan l-istadju mill-MUT bħala azzjonijiet li mhumiex f'lokhom.

 

Fil-fatt mhuwiex ġust lanqas fil-konfront tal-istudenti u l-familji tagħhom li, meta għaddejjin b'diskussjonijiet, jitħabbru azzjonijiet ta' dan it-tip.

 

Il-Ministeru jtenni l-apprezzament tiegħu għax-xogħol tal-edukaturi kollha u huwa f'dan l-ispirtu li fit-taħditiet tal-ftehim kollettiv qed ifittex li jtejjeb il-kundizzjonijiet tagħhom.​