gov.mt

pr240156

PR240156

02/02/2024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Ippreżentat rapport ta’ riċerka tal-programm pilota Fun Fit 5

Illum ġie ppreżentat rapport imfassal minn riċerka li saret marbuta mal-programm pilota Fun Fit 5, li kellu l-għan li t-tfal fl-iskejjel ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw fi programm ta' attività fiżika matul il-ġurnata skolastika tagħhom. Il-programm kien organizzat mill-Malta Football Association (MFA), bil-kollaborazzjoni tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST).

 

Waqt il-preżentazzjoni tal-rapport, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima sostna, “Konxji tal-importanza tal-benesseri tal-istudenti, li jinkludi aktar attività fiżika u sportiva u qed jaħdem biex idaħħal aktar attività fiżika fit-tfal. Bħalissa n-numru ta' lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel Maltin ivarja. Fil-manifest elettorali wegħedna li jiżdied il-ħin u jiġi stabbilit in-numru ta' lezzjonijiet minimu tal-edukazzjoni fiżika. Din hija ħidma li qed issir għaliex irridu nimxu lejn mudell fejn it-tfal ikollhom sessjoni waħda ta' attività fiżika kuljum."

 

L-MFA organizzat il-programm fiżiku permezz tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol (IFF), u kkummissjonat l-istudju bil-kollaborazzjoni tal-MCAST u imsieħba oħra. Min-naħa tagħha l-MCAST ħadet ħsieb ir-riċerka marbut mal-programm, billi dan kien abbinat ma' riċerka etnografika, jiġifieri riċerka li studjat u analizzat il-programm sa mill-bidu nett tiegħu f'Ottubru 2022.

 

Gareth Sciberras, Chairman tal-IFF tenna li l-fondazzjoni temmen bi sħiħ fl-importanza ta' studji xjentifiċi ta' dan it-tip biex ikollhom gwida bbażata fuq ir-riċerka fit-tfassil ta' programmi sportivi u edukattivi. Qal li l-istudju jitfa' dawl fuq il-benefiċċji konkreti għal tfal fil-livell ta' skola primarja li jkollhom sessjoni ta' attività fiżika kuljum, mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

 

“Fun Fit 5 se jservi bħala għodda importanti fil-missjoni tal-IFF biex inħajru iktar tfal jipprattikaw l-isport, fil-każ tagħna l-futbol, filwaqt li jgħixu ħajja aktar sana permezz tal-attività fiżika. Dan l-istudju jikkumplimenta proġetti oħra li qed twettaq il-Fondazzjoni, primarjament Fun Fit Football li qed jilħaq eluf ta' studenti f'diversi skejjel primarji madwar Malta u Għawdex. Nemmnu wkoll li dawn l-isforzi kollettivi u proġetti se jkollhom effett pożittiv fuq l-iżvilupp tat-talent billi ntejbu l-perkors mill-grassroots sal-livell elite, pilastru ieħor importanti fl-impenn tal-IFF", qal Sciberras.

 

Ix-xogħol tar-riċerka huwa importanti biex ikun investigat l-effetti li possibbilment tħalli din l-attività fiżika fuq tliet pilastri importanti fl-istudenti; dak akkademiku, fiżiku u l-benesseri tat-tfal. Apparti l-użu ta' għodod differenti ta' riċerka, saru sensiela ta' intervisti individwali u fi gruppi mat-tfal, mal-ġenituri, mal-għalliema, mal-LSEs u ma' membri tat-tmexxija tal-iskola. Il-Ministru Grima fakkar li l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2040 il-ġdida għandha bħala pilastru ċentrali dak tal-benesseri.

 

Ir-riżultat tar-riċerka juri l-importanza ta' sinerġija li tinvolvi partijiet interessati ewlenin, inklużi kowċis imħarrġa sew li jikkollaboraw mill-qrib mal-għalliema tal-attività fiżika. L-edukaturi rrappurtaw titjib fl-istudenti tagħhom u l-istudenti wkoll tkellmu dwar esperjenza pożittiva. L-istudju jidentifika l-potenzjal għal programmi inklużivi u koordinati tajjeb biex joħolqu impatt pożittiv fuq l-esperjenza tat-tagħlim tal-istudenti.

 

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv il-Professur Joachim James Calleja qal, “Fl-MCAST is-sezzjoni tal-isport fl-Istitut għas-Servizzi fil-Komunità dejjem qed jissaħħaħ mhux biss fil-kwalità tat-tagħlim u fiż-żieda fin-numru ta' studenti, iżda wkoll fir-riċerka. Ir-riċerka għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-komunità. Aħna kburin bil-letturi li qed jippublikaw fuq livell internazzjonali. Nawgura li nkomplu nibnu fuq dan il-proġett biex dejjem ntejbu l-esperjenza edukattiva li tibda mis-snin bikrin u li għandha tkompli tul il-ħajja ta' kull individwu."

 

Ir-riċerkaturi mill-Istitut tas-Servizzi fil-Komunità tal-MCAST li kienu involuti huma Dr Melanie Darmanin, Dr Renzo Kerr-Cumbo, Dr Matthew Muscat Inglott u Heathcliff Schembri li ħadmu taħt id-direzzjoni tad-Direttur Ann Marie Cassar.​​