gov.mt

pr240333

PR240333

01/03/2024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Għotja ta’ €150 għal xiri ta’ e-kick scooters privati

Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi ħabbar it-tnedija ta' programm ġdid ta' inċentivi finanzjarji li jippromwovu għażliet ta' trasport aktar nodfa u sostenibbli. Din l-inizjattiva, maħruġa minn Transport Malta, għandha l-għan li tħeġġeġ l-użu ta' aktar vetturi mingħajr emmissjonijiet u tnaqqas it-tniġġis fl-arja mis-settur tat-traffiku f'pajjiżna.

 

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li għalkemm il-kiri tal-e-kick scooters ġie mwaqqaf, l-użu tal-e-kick scooters privati se jibqa' permissibbli u inkoraġġit bħala mezzi alternattiv u sostenibbli ta' trasport.

 

“Se nkomplu ninvestu u ninċentivaw lil min jagħżel li juża mezzi alternattivi ta' trasport li jħarsu aktar l-ambjent tagħna. Wara li diġà ħabbarna inċentivi finanzjarji għal vetturi elettriċi, qegħdin inħabbru skemi ġodda fejn jidħlu x-xiri tal-e-kick scooters privati", kompla jgħid il-Ministru.

 

Huwa tenna li din l-iskema, flimkien ma' inizjattivi oħra diġà implimentati, jenfasizzaw l-impenn tal-Gvern biex jippromwovi politika favur l-ambjent u jagħmel differenza tanġibbli fil-qasam tat-trasport alternattiv.

 

Kull individwu li jixtri e-kick scooter ġdid għall-użu personali u jirreġistrah ma' Transport Malta se jkun eliġibbli għal inċentiv finanzjarju ta' €150.

 

L-applikazzjonijiet u aktar informazzjoni dwar l-iskema huma disponibbli u jistgħu jinkisbu mill-uffiċċji ta' Transport Malta jew online mill-website ta' Transport Malta www.transport.gov.mt.

 

Link għall-filmat: https://we.tl/t-Lw0Y03BBaX

​ 

​