Fl-Esplora, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti flimkien mal-Professur Alan Deidun, f'isem l-Università ta' Malta, inawguraw esebizzjoni ġdida li bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, fosthom holograms, se jkunu qed juru l-ħajja ta' taħt il-baħar b'mod interattiv u lit-tfal ħa tgħinhom jimmaġinaw aħjar is-settur marittimu.
L-għan ewlieni ta' dan il-proġett huwa li jitwessa' l-użu tat-teknoloġija fil-kamp marittimu, f'żoni mogħnija bil-bijodiversità, speċjalment għall-għanijiet ta' edukazzjoni ambjentali, magħrufa bħala ocean literacy, li twassal sabiex aktar studenti jkomplu l-istudji tagħhom f'dan il-kamp ta' riċerka u anke jingħata aktar tagħrif dwar speċi u ambjenti protetti f'żoni ta' Natura 2000.
Ġie spjegat li għal din l-esebizzjoni qed tintuża teknoloġija innovattiva u interattiva, bħar-realtà virtwali, robots u holograms, li qegħdin jgħinu biex jedukaw lit-tfal u jagħtu stampa ċara tas-settur marittimu.
Is-Segretarju Parlamentari Kieth Azzopardi Tanti spjega kif l-użu tat-teknoloġija fis-settur marittimu huwa wieħed mill-pilastri tal-istrateġija nazzjonali Smart Specialisation. “L-esebizzjoni li nedejna llum huwa biss il-bidu hekk kif din l-esibizzjoni ser tkompli tikber biex tikkumplimenta l-esperjenza interattiva li hawn ġewwa l-Esplora minn perspettiva marittima," sostna s-segretarju parlamentari.
Il-Kap tal-Esplora Olaf Mc Kay semma kif din l-esebizzjoni, li tinkludi hologram tal-baleni u robot interattiv, se tkun qed issaħħaħ ukoll l-esperjenza tal-viżitaturi fl-Esplora. “Din l-inizjattiva turi biċ-ċar li f'pajjiżna qed isiru sforzi kollettivi sabiex is-settur tax-xjenza u t-teknoloġija jkompli miexi 'l quddiem. Sodisfatti li għandna din il-wirja permanenti ġdida li titratta r-riċerka marittima Maltija u nħarsu 'l quddiem għal aktar inizjattivi bħal tal-lum biex inkomplu nwasslu x-xjenza bl-aktar mod interessanti u interattiv."
Il-Professur Alan Deidun, lettur fl-Università ta' Malta u l-Ambaxxatur Malti għall-Oċean, tenna “Grazzi għal dan l-ispazju permanenti pprovdut minn Esplora, wieħed jista' jogħdos fid-dinja ta' taħt il-baħar permezz tat-teknoloġija virtwali u interattiva."
Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università ta' Malta, il-Professur Alfred Vella, qal “Sodisfatti li l-Esplora għarfet l-importanza li tidħol f'kollaborazzjonijiet ta' riċerka mal-Università, bħalma hija dik mħabbra llum."