gov.mt

pr240599

PR240599

16/04/2024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI INWETTQU FLIMKIEN: ’Il fuq minn €1.3 miljun f’għotjiet għar-riċerka u proġetti diġitali

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti nedew żewġ skemi ta' riċerka b'fondi li jammontaw għal aktar minn €1.3 miljun.

 

Wara li ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), qiegħed jitnieda programm ta' fondi b'massimu ta' €1.2 miljun fuq perjodu ta' sentejn biex ikunu ffinanzjati proġetti diġitali fil-bidu tagħhom jew proġetti ta' applied research.

 

Min-naħa tagħha, l-MDIA se tkun qed toħroġ sejħa oħra għall-applied research grant b'total ta' €120,000. Din is-sejħa hija differenti għaliex mhux se tkun qed tiffoka fuq l-intelliġenza artifiċjali biss iżda anke teknoloġiji innovattivi oħra.

 

Il-Ministru Silvio Schembri qal li, “Bħala Gvern kommessi li nkomplu naħdmu flimkien  sabiex noffru l-appoġġ biex nindirizzaw niċeċ ekonomiċi li huma l-preżent kif ukoll il-futur. Huwa ta' sodisfazzjon li nara din il-kollaborazzjoni bejn entitajiet Governattivi, turija ċara kif qiegħed jinġibed ħabel wieħed, b'ħidma konġunta għal aktar suċċess." 

 

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjega li permezz ta' din l-inizjattiva kollaborattiva, ir-riċerkaturi Maltin se jibbenefikaw mill-kompetenza tal-esperti tekniċi tal-MDIA, kif ukoll mill-esperjenza amministrattiva fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-programmi għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-MCST.

 

“B'dawn l-inizjattivi, qed noħolqu sistema fejn ir-riċerkaturi u l-imprendituri Maltin jistgħu verament jiżviluppaw l-ideat innovattivi tagħhom f'ambjent speċjalizzat, imfassal għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.  Impenjati li naraw li din l-ispeċjalizzazzjoni settorjali jkollha l-inċentivi meħtieġa sabiex jissaħħu s-setturi innovattivi kollha li jixprunaw l-ekonomija Maltija," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, Kenneth Brincat qal li, “L-inizjattivi li qed inniedu llum huma turija ta' kemm qed issir ħidma intensiva biex Malta dejjem tkun iktar preparata għall-futur, hekk kif it-teknoloġija qed tkompli tidħol f'ħajjitna b'ritmu mgħaġġel. Dan juri kemm l-użu ta' dawn it-tip ta' teknoloġiji differenti huwa wiesgħa ħafna, u għalhekk nagħrfu l-bżonn li, kif dejjem għamilna, inkunu ta' spalla billi noffru għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji innovattivi."

 

Iċ-Chairman tal-MCST Dr Tonio Portughese qal li, “Bħala Kunsill kommessi li nkomplu nsaħħu l-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni ma' entitajiet privati, awtoritajiet pubbliċi, NGOs,  kif ukoll ma' istituti ta' edukazzjoni u riċerka f'pajjiżna. Proprju permezz ta' din l-inizjattiva ser jinħolqu opportunitajiet li minnhom igawdi kulħadd, speċjalment is-setturi u l-oqsma li aħna bħala Kunsill għandna r-responsabbiltà tagħhom."

 

Għal aktar informazzjoni żur: https://mcst.gov.mt/digital-technologies-programme/ u https://www.mdia.gov.mt/schemes/applied-research-grant-marg/.​​