Persuni li jħallsu lura dak kollu li ħadu fil-każ ta’ irregolarità fl-assistenza għal diżabbiltà severa, jistgħu jingħataw maħfra mill-proċeduri kriminali biss u taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jixhdu kontra min ħadem l-iskema
Ebda maħfra ma tgħodd għal min allegatament kienu l-artefiċi, promoturi jew istigaturi wara l-irregolaritajiet
B’referenza għall-każijiet ta’ irregolarità fl-applikazzjonijiet għall-assistenza għal diżabilità severa, dawn il- każijiet meta ġew għall-attenzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienu rrapportati lill-Pulizija biex jissoktaw l-investigazzjonijiet neċessarji. Illi sussegwentement skattaw investigazzjonijiet u proċeduri quddiem il-Qrati ta’ Malta.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ħatar bord biex jagħmel evalwazzjoni dwar il-proċess tal-applikazzjonijiet għall-assistenza għal diżabilità severa, liema bord ikkonkluda l-inkarigu tiegħu fl-14 ta’ Marzu 2024, u ppreżenta r-rapport flimkien ma’ numru ta’ rakkomandazzjonijiet.
Illi nhar it-Tlieta, 23 ta’ April 2024, il-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed evidenza biex ħames persuni jitpoġġew taħt att ta’ akkuża dwar diversi reati relatati mal-każijiet ta’ irregolarità fl-applikazzjonijiet għall-assistenza għal diżabilità severa.
Il-Kabinett tal-Ministri rrakkomanda lill-President ta’ Malta illi minħabba l-assjem taċ-ċirkostanzi partikolari li fihom saru għadd ta’ pagamenti ta’ benefiċċji soċjali, konsistenti f’benefiċċji li jitħallsu għax persuni jkunu jsofru minn mard jew minn kundizzjoni ta’ saħħa partikolari u li dawk il-benefiċċji ġew riċevuti minn persuni li ma kienux intitolati għalihom, għandha tinstab soluzzjoni barra s-sistema tal-ġustizzja kriminali għal din is-sitwazzjoni billi tingħata maħfra għal dak li jirrigwardja r-reati penali kommessi mill-persuni li rċevew l-imsemmija benefiċċji ndebitament; dana b’esklużjoni tal-persuni li kienu allegatament l-artefiċi, il-promoturi jew l-istigaturi tar-reati koperti minn din il-maħfra.
Il-Kabinett tal-Ministri rrakkomanda lill-President ta’ Malta illi din il-maħra tingħata biss taħt diversi kundizzjonijiet:
A. illi l-persuni konċernati li jkunu eliġibbli għal din il-maħfra jippreżentaw talba bil-miktub lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali fejn jikkonfermaw illi huma jixtiequ jibbenefikaw minn din il-maħfra u jagħtu t-tagħrif fattwali kollu lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali li jkun jinħtieġ mingħandhom dwar it-talba tagħhom;
B. Illi l-persuni konċernati li jkunu eliġibbli għal din il-maħfra jħallsu lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali l-ammonti kollha miksuba minnhom mingħajr ma kienu eligibbli ghalihom flimkien ma’ dak l-ammont ta’ spejjeż amministrattivi li jiġi stabbilit fid-diskrezzjoni tad-Direttur, jew jilħqu ftehim validu u bil-miktub mad-Direttur tas-Sigurtà Soċjali dwar kif se jħallsu lura l-ammonti miksuba minnhom indebitament u l-imsemmija spejjeż amministrattivi;
C. Illi d-Direttur tas-Sigurtà Socjali jikkonferma bil-miktub illi l-persuna konċernata tkun issodisfat il-kundizzjoni B;
D. Illi d-Direttur tas-Sigurtà Socjali jressaq lill-Kummissarju tal-Pulizija l-konferma msemmija fil-paragrafu C u l-Kummissarju tal-Pulizija jgħaddi dik il-konferma lill-Ministeru għall-Ġustizzja sabiex ikun jista’ jikkonferma l-ħruġ tal-maħfra lill-applikant;
E. Illi l-għoti ta’ maħfra lil xi persuna skont din il-Proklama m’għandu bl-ebda mod jiġi interpretat bħala li qiegħed jeżenta lil xi persuna li tkun ibbenefikat mill-maħfra milli tixhed u tgħid is-sewwa, is-sewwa kollu u xejn ħlief is-sewwa kull meta tkun imħarrka jew meħtieġa skont xi liġi li tixhed dwar iċ-ċirkostanzi kollha li wasslu għall-ħlas indebitu tal-benefiċċju soċjali li dwaru tkun inħarġet maħfra, fi proceduri kontra haddiehor.
F. Il-maħfra tkun irtirata u għandha titqies li qatt ma ngħatat jekk il-benefiċċjarju jirrifjuta li jixhed jew jonqos milli jagħti xi depożizzjoni mitluba minnu skont il-liġi jew jekk jirriżulta illi f’xi depożizzjoni l-benefiċċjarju ma jkunx xehed is-sewwa, is-sewwa kollu u xejn ħlief is-sewwa;
G. Illi din il-maħfra tapplika biss għall-persuni li rċevew l-imsemmija benefiċċji mingħand id-dipartiment tas-Sigurtà Soċjali; u ma tapplikax għall-persuni li kienu l-artefiċi, il-promoturi jew l-istigaturi tar-reati koperti minn din il-maħfra, lanqas f’dik il-parti fejn huma setghu wkoll ircevew xi beneficcju socjali ndebitament;
Illi wara li din ir-rakkomandazzjoni kienet ikkomunikata lill-President ta’ Malta, l-E.T. l-President ta’ Malta qablet ma’ din ir-rakomandazzjoni u fil-25 ta’ April 2024 bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lilha bl-Artikolu 93 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, ordnat li tingħata l-maħfra taħt il-kundizzjonijiet imsemmija.