gov.mt

pr240738

PR240738

30/04/2024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Tnedija ta’ skemi ġodda sabiex jindirizzaw l-inġustizzji tal-imgħoddi

Għal darba oħra l-Gvern ħabbar skemi ġodda sabiex ikompli jindirizza inġustizzja tal-imgħoddi u b'hekk qed titwettaq wegħda elettorali oħra.

 

F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tkellem dwar kif ser tkun qed tinfetaħ skema ġdida għal eks impjegati tal-Korporazzjoni Telemalta, għal eks ħaddiema tal-Malta Drydocks u tal-Malta Shipbuilding.

 

Fil-fatt ġie spjegat illi s-sena l-oħra kienet twessgħet l-iskema tas-settur pubbliku għal kategorija oħra ta' ħaddiema li kienu daħlu mal-Korporazzjoni Telemalta bejn l-ewwel ta' Jannar 1978 u l-15 ta' Jannar tal-1979, u li kienu naqsu li jikkwalifikaw għal pensjoni simili għal dik imħaddma mill-Gvern għall-impjegati fis-servizz pubbliku.

 

Għaldaqstant, issa, din se tkun fi skema separata għaliha, u ser tkun mifruxa fuq għadd ta' snin. Madwar 250 persuna mistennija jibbenefikaw mill-iskema.

 

Skema ġdida oħra ser tkun miftuħa għal madwar 500 ħaddiem li fl-2003 kienu ġew trasferiti mill-Malta Drydocks u l-Malta Shipbuilding u assimilati mal-Industrial Projects and Services Ltd (IPSL), li llum hija magħrufa bħala Resource Support and Services Ltd (RSSL).

 

Il-Ministru Michael Falzon ħabbar ukoll illi l-Gvern se jkun qed jindirizza każ ta' inġustizzja li kien twettaq mal-eks ħaddiema tal-lukanda Verdala aktar minn 40 sena ilu. Hawn ukoll, il-persuni ikkonċernati se jkunu qed jiġu kkuntattjati fix-xhur li ġejjin u jingħataw l-informazzjoni dwar kif se tiġi indirizzata l-inġustizzja tagħhom.

 

“Mill-2017 sal-lum, dan il-Gvern investa mal-€85 miljun, b'dawn ma jinkludux dawn l-iskemi imħabbra llum. Dan jikkonferma r-ruħ soċjali ta' dan il-Gvern, illi jaħdem qattiegħ sabiex jindirizza kull inġustizzja", stqarr il-Ministru Michael Falzon.

 

Id-dettalji u l-kundizzjonijiet dwar kull skema ser jiġu ppublikati fil-Gazzetta tal-Gvern.  L-applikazzjonijiet għall-iskemi ser jintlaqgħu sal-aħħar ta' Lulju u l-ħlasijiet dovuti lil persuni eliġibbli jsiru f'Novembru.  

 

Ma' dawn l-iskemi, ser jitkomplew oħrajn preċedenti, għal dawk il-persuni li daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku, b'dawn jinkludu impjegati f'xi korporazzjoni jew entità pubblika wara li għamlu xi żmien iservu f'wieħed mill-korpi tax-xogħol imwaqqfa qabel l-1979,  impjegati mal-Gas Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-Korporazzjoni Enemalta u  apprentisti mal-Malta Electricity Board.​

​​