B'referenza għall-Istqarrija nru. 241230 ta' nhar il-Ġimgħa, d-19 ta' Lulju 2024, l-Accountant General javża li l-prezz għal kull Stock offrut għas-sottoskrizzjoni lill-membri tal-pubbliku ġie stabbilit kif ġej:
(i) 3.40% Stock tal-Gvern ta' Malta 2027 (VI) F.I. bi prezz ta' €100.90 b'YTM ta' 3.0958%, li jġib rendiment ta' rata annwali ekwivalenti għal 3.1197%, u
(ii) 3.50% Stock tal-Gvern ta' Malta 2034 (III) bi prezz ta' €100.00 b'YTM ta' 3.5000%, li jġib rendiment ta' rata annwali ekwivalenti għal 3.5306%.
L-applikazzjonijiet jiftħu u jagħlqu fil-ħinijiet u d-dati kif jidher hawn taħt, jew aktar kmieni fid-diskrezzjoni tal-Accountant General:
Applikazzjonijiet:
- mill-membri tal-pubbliku għall-ammont li ma jaqbiżx l-€499,900 kull persuna f'xi wieħed jew f'kull wieħed miż-żewġ stocks jiftħu nhar it-Tnejn, id-29 ta' Lulju 2024 fit-8.30 a.m. u jagħlqu fis-2.30 p.m. tal-Erbgħa l-31 ta' Lulju 2024; u
- mill-investituri wholesale magħmulin f'offerti b'irkant jiftħu l-Ġimgħa, it-2 ta' Awwissu 2024 fit-8.30 a.m. u jagħlqu f'nofsinhar (CET) tal-istess ġurnata. L-ammonti ta' kull stock li jiġu allokati lill-applikanti li l-applikazzjoni tagħhom kienet magħmula f'offerti b'irkant, jiġu mgħarrfa sagħtejn wara l-ħin tal-għeluq tal-irkant.
Il-formoli tal-applikazzjoni jinkisbu minn u jiġu ddepożitati għand il-Membri kollha tal-Borża ta' Malta u Provdituri oħra awtorizzati ta' Servizzi ta' Investiment. Formoli tal-applikazzjoni jistgħu jitniżżlu wkoll minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor, mill-Ġimgħa, is-26 ta' Lulju 2024.
Aktar tagħrif dwar dawn l-istocks jinsab fiċ-Ċirkolari tal-Offerta kif ukoll fuq is-sit elettroniku tat-Teżor, www.treasury.gov.mt.