B'referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Oppożizzjoni, il-Ministeru jsostni li l-ġustizzja ma ssirx bir-rapporti fil-midja, iżda billi jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji quddiem allegazzjonijiet ta' ksur ta' liġi u dan billi jsir rapport lill-Pulizija.
Identità mhux biss għamlet dan diġà, iżda kif tenniet tieħu bis-serjetà kwalunkwe allegazzjoni, dubju jew rapport li jasal għall-attenzjoni tagħha. Illum bl-istrutturi msaħħa ta' diliġenza u konformità, l-Aġenzija għandha l-għodda kollha biex tagħmel dan b'aktar trasparenza u effiċjenza u qegħda f'pożizzjoni aqwa biex tkun tista' tikkopera b'mod sħiħ f'kwalunkwe investigazzjoni għat-twettiq tal-ġustizzja.
Kienet l-Aġenzija, wara investigazzjoni interna mit-Taqsima tal-Compliance u l-Expatriates Unit, li għaddiet l-informazzjoni, inkluż il-provi kollha misjuba dwar xi individwi, lill-Korp tal-Pulizija sabiex tkompli bl-investigazzjonijiet u tieħu kwalunkwe azzjoni neċessarja skont il-liġi.
Għalhekk, b'dak li qed titlob, l-Oppożizzjoni taf li possibbilment jiġi ppreġudikat il-każ, b'possibbilment tfixkil lejn ir-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja.
L-Oppożizzjoni taf ukoll li kien ikun aktar għaqli li kieku stabbilit il-fatti qabel għal darb'oħra għażlet li tkun populista. Kienet l-Aġenzija stess, li fis-7 ta' Awwissu offriet l-assistenza meħtieġa lil sidien ta' proprjetajiet li jirċievu ittri indirizzati lejn persuni mhux reġistrati fuq ir-residenza tagħhom.
Fi stqarrija, Identità infurmat li hemm raġunijiet diversi għala dawn il-każijiet iseħħu. Fost dawn hemm li l-inkwilin ma jkunx informa lill-aġenzija li biddel ir-residenza fejn jgħix, ma tkunx ġiet sottomessa d-De-Registration Form minn sid il-proprjetà, l-individwu jkun naqas milli jinforma kumpaniji privati u fornituri ta' servizzi li jkun tahom id-dettalji tiegħu bi bdil fl-indirizz jew l-indirizz ikun qed jintuża b'mod qarrieqi u mingħajr awtorizzazzjoni legali, f'dan il-każ is-sidien għandhom jagħmlu rapport fl-eqreb għassa tal-Pulizija.
Il-Ministeru jtenni l-appell li għamlet l-Aġenzija Identità, biex kumpaniji u fornituri ta' servizzi lokali jivverifikaw l-indirizz tal-klijent, mad-dokument ta' identità jew residenza uffiċjali Malti. B'dan huwa dover ta' kull kumpanija jew persuni li joffru servizz, qabel jirreġistraw dawn id-dettalji fis-sistemi tagħhom. Il-Ministeru jfakkar ukoll li hija r-responsabbiltà ta' kull detentur ta' Permess jew Dokument ta' Residenza li jinforma lill-fornituri lokali bi kwalunkwe tibdil fl-indirizz tiegħu jew tagħha meta jintalab servizz jew ieħor.
L-Aġenzija Identità, kif diġà ddikjarat bl-aktar mod skjett, mhijiex u ma tistax tinżamm responsabbli meta tingħata informazzjoni ħażina jew frawdolenti lill-kumpaniji, entitajiet jew fornituri lokali.