Nibda dan id-diskors b'ħarsa lura għas-sena forensi 2023/2024. Jiġi kważi naturali li l-ħsibijiet, qabel tibda tikteb, iduru fuq in-nuqqasijiet fis-sistema, il-frustrazzjoni li trid tagħmel aħjar imma dejjem hemm xi ħaġa jew oħra li jxekklek milli tagħti dak kollu fil-kapaċita tiegħek. Uħud mill-problemi dejjem rikorrenti qishom ħabba ħazina. Imma ma rridx nintilef fin-negattiv. Irrid niffoka l-ewwel fuq il-pożittiv li kellna matul din is-sena, u ser nagħmel bħas-sena l-oħra rassenja tal-Qrati b'dak kollu li fil-fehma tiegħi mar tajjeb jew seta' mar aħjar kif ukoll suġġerimenti dwar x'jista' jtejjeb is-sistema.
Qrati tal-Appell Ċivili u Kriminali u Qorti Kostituzzjonali
Ħa nibda mill-Qorti tal-Appelli Ċivili u Kummerċjali . Fl-2020 meta dħalt għal din il-kariga kien hemm pendenti xi 1,500 appell b'kollox. Kien ċar li kemm is-sistema proċedurali kif jitmexxew l-appelli u ż-żewġ kompożizzjonijiet tal-Qrati tal-Appell ma kinux biżżejjed biex dan l-ammont ta' appelli, uħud minnhom ħames snin jistennew li jinstemgħu, jingħalqu fi żmien raġonevoli, b'effiċjenza u fl-istess waqt b'ħarsien sħiħ li ssir ġustizzja. Wara li ressaqt dan il-ħsieb lil Ministru tal-Ġustizzja, tressqu emendi fil-liġi li ġew approvati mill-Parlament u ġiet approvata wkoll sezzjoni oħra tal-Qorti tal-Appell b'żieda wkoll ta' żewġ ġudikanti ġodda. Ir-riżultat jidher ċar illum kemm fit-tmexxija tal-appelli l-antiki u dawk ġodda bil-proċedura l-ġdida. Irrid pero ma nonqosx milli nagħti ġieħ lill-Imħallfin kollha tal-Qrati tal-Appell kemm dawk preżenti u dawk li irtiraw is-sena l-oħra li daħlu għal dan l-impenn 'a tamburo battente' kif iħobb jgħidli wieħed mill-Imħallfin. Mill-2020 l-hawn daħlu b'kollox bejn wieħed u ieħor mat-3,000 appell u llum appelli ċivili u kummerċjali pendenti hemm ftit iktar minn 600 appell li huma mexjin għas-sentenza. Dan fisser ħidma kontinwa, bla waqfien ta' xejn, mhux għalina ġudikanti biss iżda għall-istaff kollu tal-appell u l-'court attorneys' li jassistuna biex ix-xogħol ma jieqafx u jitwettaq kif imiss. Dan hu eżempju ċar fejn bir-rieda u ħeġġa tal-ġudikatura assistita minn staff kompetenti marbuta ma' koperazzjoni ministerjali u parlamentari, isiru żviluppi ġudizzjarji b'suċċess. Madankollu kif aċċennajt fid-diskors tas-sena l-oħra qed jidħlu ħafna appelli kostituzzjonali billi f'dawn l-aħħar snin kibret ġmielha t-tendenza li jinfetħu kawżi kostituzzjonali u dan ifisser aktar appelli kostituzzjonali. Biss biss quddiem l-ewwel Qorti daħlu mas-600 kawża kostituzzjonali f'għaxar xhur minn Ottubru li għadda. Bħalissa hemm il-fuq minn 300 appell kostituzzjonali pendenti, terz minnhom differiti għas-sentenza li jinstemgħu biss quddiem sezzjoni waħda tal-appell billi l-Kostituzzjoni ma tippermettix li jinqasmu u jinstemgħu mis-sezzjonijiet kollha tal-appell kif isir fl-appelli ċivili u kummerċjali.
Qed nitlob lil Ministru tal-Ġustizzja bl-adezjoni tal-Parlament sabiex issir emenda fil-Kostituzzjoni sabiex l-appelli kostituzzjonali jkunu jistgħu jinqasmu fuq il-tlett sezzjonijiet tal-appell kif isir bl-appelli ċivili u kummerċjali u hekk intaffu l-problema li qed tikber kull jum. Bla intervent leġislattiv f'waqtu l-problema issir waħda li diffiċli tiġi korretta.
Prim Awla u Qorti Kummerċjali
Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u l-Qorti tal-Kummerċ bl-emendi leġislattivi li nfurmat dalwaqt jitressqu fil-Parlament ukoll urew xi progress. Il-Qorti tal-Kummerċ hi preseduta minn żewġ Imħallfin u mifthuma mill-Qorti Ċivili u amministrata bħala Qorti għal rasha. Infurmat li qed jittieħdu miżuri mill-Gvern biex din il-qorti tkun mgħammra f'sit għaliha u b'amministrazzjoni speċifika għaliha b'dak kollu li jixraq għal stat fl-Unjoni Ewropea fejn il-kummerċ u għalhekk Qorti tal-Kummerċ effiċjenti u speċjalizzata tkun ta' spalla għall-ekonomija tal-pajjiż. Nittama li ma indumux ma naraw din ir-realtà fil-prattika. Madankollu u hawn ser ngħaqqad mal-Qrati Ċivili, għalkemm il-Ministru tal-Ġustizzja kien laqa' u mexa fuq is-suġġeriment ta' żieda ta' Imħallef ieħor għal Qorti tal-Kummerċ li fil-fatt illum ġie appuntat u għandu wkoll kwistjonijiet kummerċjali bħala parti mill-assenjazzjoni tiegħu, ma stajtx inħallih jisma' biss kawżi kummerċjali. L-ammont ta' kawżi ċivili hu għoli wisq għall-ammont ta' ġudikanti preżenti fil-Qrati Ċivili. Kelli nqassam kontra qalbi ammont ta' kawżi ċivili wkoll fuq l-Imħallef tal-kummerċ il-ġdid biex inniżżel l-ammont ta' kawżi għal kull ġudikant fil-Qrati Ċivili għal circa 500 kull ras. Is-sena l-oħra daħlu l-fuq minn 2,100 kawżi ċivili u kostituzzjonali u nqatgħu kważi 2,000, circa 200 sentenza għal kull wieħed mill-għaxar Imħallfin fil-Prim Awla. Minkejja l-impenn tal-ġudikatura f'din il-Qorti mhux umanament possibbli li jkollok ġustizzja bl-inqas dewmien possibbli. Hemm bżonn ta' emendi proċedurali, fosthom dawk marbuta man-notifika tal-atti ġudizzjarji fejn għandna nibdew naċċettaw notifika permezz ta' emails u b'aktar involviment dirett tal-avukati u prokuraturi legali, u emendi dwar kif għandhom jitressqu eċċezzjonijiet anki fi stadju ta' appell. B'hekk jitħaffu aktar il-kawżi fit-tmexxija amministrattiva tagħhom u hawn ukoll il-ġudikatura trid tagħti s-sehem tagħha għal kontroll sħiħ u ġust fuq l-andament tal-kawżi. Naf li l-Ministru tal-Ġustizzja qed jaħdem fuq l-emendi li nispera li narawhom f'tibdil fil-liġi ma ndumux. Nitlob lil Ministru li b'dawn il-fatti jikkonsidra ż-żieda ta' żewġ Imħallfin ġodda għal Qrati Ċivili biex jinżel xi ftit l-ammont ta' kawżi li kull sena kull ġudikant jiġi assenjat u b'hekk ikun hemm il-possibilta reali li l-kawżi l-antiki jinqatgħu fi żmien iqsar u b'inqas pressjoni u tensjoni kif inhi x-xewqa ta' kulħadd, u ma nibqgħux dejjem nisimgħu l-istess diska tad-dewmien. Ovvjament dan iġib miegħu żieda ta' aktar spazju u riżorsi umani, riżorsi mhux tan-numri iżda tal-kwalita, liema kwalita tinstab jekk infittxuha pero' trid tkun lest tħallas għaliha u tagħtiha t-taħriġ meħtieġ biex taqdi dak mistenni minn impjieg f'settur delikat u importanti għal pajjiż. Soluzzjoni mhux faċli imma b'impenn sħiħ mill-ġudikatura, l-amministrazzjoni tal-Qorti u tal-Gvern żgur li rimedju jista' jinstab. La qed nitkellem fuq żidied ma nistax ma nirringrazzjax lil Ministru tal-Ġustizzja u lil Gvern f'isem il-ġudikatura, għal pakkett ġdid ta' kundizzjonijiet li ġie negozjat u miftiehem mal-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura wara li xi żmien ilu kien intemm il-ftehim preċedenti. Huwa ta' inkoraġġiment li jkun hemm dan ir-rikonoxximent tanġibbli għal ħidma tal-ġudikatura. Madankollu għalkemm kull ħidma ħaqqha l-kumpens ġust tagħha, din il-ħidma trid tidher li qed tissarraf sew. Fil-ftehim ġie indikat li għandu jkun hemm impenn ta' aktar kontabilita tal-ġudikatura għal għemilha. Jien ġa aċċennajt fid-dettall is-sena l-oħra li jeħtieġ qafas serju, sod, trasparenti u ġust sabiex il-ġudikatura jkollha mhux biss l-għajnuna fit-tfassil u t-twettiq ta' dmirijietha, iżda wkoll l-għarfien ta' skrutinju dirett fuq it-twettieq tajjeb tad-dmirijietha. B'hekk ikun hemm it-trasparenza mistennija u meħtieġa għal kontabilita tal-ġudikatura. Naf li l-Gvern wera ruħu propens li jidħol għal dan l-iżvilupp ġid imma bżonnjuż fl-interess tal-ġudikatura stess, u nittama li jsiru l-liġijiet jew emendi neċessarji fil-Kostituzzjoni bi qbil mal-Kamra tar-Rappreżentanti. Ngħid il-Kamra tar-Rappreżentanti għaliex inqis illi f'materja bħal ma hi l-amministrazzjoni retta tal-ġustizzja, hu l-Parlament kollu li għandu jiġbed ħabel wieħed fl-aħjar interess tad-demokrazija ta' pajjiżna.
Nerġa' ndur lura għal Qrati Ċivili. Is-sena l-oħra kont aċċennajt għal vertenzi speċjalizzati li jsiru quddiem is-Sessjoni Volontarja tal-Qorti Ċivili jew kif konna nafuha s-Sekond Awla tal-Qorti Ċivili. Bħalissa hemm tliet Imħallfin fost l-Imħallfin tal-Prim Awla li fuqhom qed jinqasam dan ix-xogħol, liema xogħol hu b'żieda mal-assenjazzjonijiet tagħhom. Nixpruna lill-Ministru biex idaħħal l-emendi neċessarji sabiex dawn il-kwistjonijiet sensittivi u delikati bħal adozzjonijiet, suċċessjonijiet, kuraziji u oħrajn, jibdew isiru minn Imħallfin irtirati li għadhom lesti jikkontribwixxu l-ħila u l-għerf tagħhom imma ma setgħux ikomplu minħabba li l-eta ta' irtirar hi ta' 68 sena. Dan ikompli jtaffi mill-pressjoni fuq l-Imħallfin tal-Qrati Ċivili.
Qorti Kriminali
Ngħaddu issa għal Qorti Kriminali Superjuri u l-Qorti tal-Appell Kriminali Inferjuri u Superjuri. Bħalissa hemm erba' Imħallfin jaħdmu f'dawn il-Qrati li bejniethom iridu jlaħħqu mal-appelli inferjuri u superjuri u l-ġurijiet, apparti bħal kull Qorti oħra, ammont ma jispiċċa qatt ta' rikorsi in konnessjoni ma' proċeduri għaddejjin. L-ammont ta' kawżi kriminali qegħdin dejjem jiżdiedu kif żdiedu l-firxa u l-kumplessita tal-kawżi, uħud minnhom anki jeħtiegu ġudikant innifsu speċjalizzat fil-materja. Iktar ma żdiedu l-kawżi iktar żdiedu l-appelli. Sfortunatament għalkemm inbniet awla oħra għal ġuriijiet dan mhux biżżejjed la bħala spazju disponibbli u anqas bħala ġudikanti meħtiega. Hemm il-fuq minn 150 ġuri pendenti li jekk tqassamhom f'medja ta' ġimgħa bħala tul ta' żmien għal kull ġuri u bl-użu biss ta' żewg awli malajr tasal għal konkluzjoni li biż-żieda tal-ġurijiet id-dewmien biex jintemmu ser ikompli jiżdied. Ma ninsewx li l-istess Imħallfin iridu jisimgħu u jiddeċiedu l-appelli inferjuri li jiġu quddiemhom u jisimgħu u jiddeċiedu wkoll appelli superjuri fejn il-Qorti tkun komposta minn tliet Imħallfin. Dan kollu qed iwassal għal tensjoni kbira biex isir ix-xogħol b'mod organizzat u f'awli u uffiċċini mgħammra apposta għal dan l-iskop. Din is-sena wkoll inħasset ħafna n-nuqqas kbir ta' staff f'din il-Qorti, bħal skrivani, marixxalli u 'court assistants', traskritturi li għandhom ikunu impjegati 'full time' mal-Qorti. Partikolarment inħass in-nuqqas ta' deputati reġistraturi li jridu jkunu dixxiplinati u mgħarrfa sew fil-proċeduri kriminali, għax konsegwenza ta' nuqqas ta' adezjoni ma' termini ta' żmien u l-preċizjoni proċedurali, tista' issarraf f'inġustizzja jew mal-imputat jew is-soċjetà in ġenerali jekk il-proċeduri ma jitmexxewx skont il-liġi. L-istess jingħad għar-reġistru tal-Qorti Kriminali u l-kmamar u uffiċini tal-istaff u l-ġudikanti. Ġa aċċennajt f'diskorsi preċedenti illi hemm il-ħtieġa immedjata li tinsab soluzzjoni waħda u dejjiema għal Qorti Kriminali bħal ma qed jinstab għal Qorti tal-Kummerċ, fosthom li jiġu appuntati Imħallfin għal ġurijiet biss u dan jingħad ukoll billi llum l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali hu magħmul minn ħafna avukati u għalhekk atti ta' akkuża qed jiġu preżentati b'aktar frekwenza minn qatt qabel.
F'dan id-diskors ma hemmx il-ħin li nidħol fid-dettall ta' dak kollu li jinvolvi proċedura kriminali imma nħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jassistuna nsibu soluzzjoni u malajr jekk verament hemm ir-rieda li issir il-ġustizzja kif imiss. Ma ninsewx li fil-kamp kriminali hemm żewġ aspetti importanti x'inżommu quddiem għajnejna, l-innoċenza jew il-ħtija tal-bniedem u l-interess tas-soċjetà in ġenerali li jkollha s-serħan tal-moħħ li ġustizzja qed issir u issir f'waqtha. Jiena tal-ħsieb li wasal iż-żmien li nerġgħu inqisu jekk is-sistema preżenti tal-ġurijiet hix taqdi verament il-ħtiġijiet ta' żmienna u jekk għandux ikun hemm tibdil radikali fis-sistema sħiħa dwar liema reati għandhom isiru bis-sistema tal ġuri u oħrajn li jinstemgħu minn ġudikant biss.
Qorti tal-Maġistrati
Il-Qorti tal-Maġistrati fil-funzjoni kriminali tagħha din is-sena kellha tibdil sinifikanti fl-operat tagħha. Wara li l-Gvern ħabbar is-sena l-oħra li l-inkjesti maġisterjali kellhom jingħataw speċjalizzazzjoni għal rashom u mhux jitqassmu mal-Maġistratura kollha, il-Ministru ħareġ sejħa biex jiġu appuntati erba' Maġistrati ġodda biex il-Prim Imħallef ikollu mnejn jassenja l-inkjesti, frott tat-tibdil. Fil-fatt dan l-iżvilupp seħħ u minn Frar ta' din is-sena bdew jiġu trasferiti l-inkjesti l-antiki ftit ftit lil dawn il-Maġistrati u fl-1 ta' April bdew jieħdu l-inkjesti kollha ġodda. Għadu kmieni wisq biex jiġi evalwat l-impatt li din is-sistema ser ikollha.
Hemm mal-1,700 inkjesta pendenti. Ma għandix dubju li frott il-ħidma speċjalizzata ta' dawn il-Maġistrati n-numru ser jonqos. Madankollu avolja għaddiet kważi sena, dawn il-Maġistrati li suppost kien ser ikollhom spazju xieraq anzi binja, bi staff permanenti assenjat lilhom biex jaqdu dmirijiethom aħjar u bl-akbar effiċjenza possibli, dan għadu ma seħħx u l-ħidma tagħhom isseħħ frott id-dedikazzjoni għas-servizz imsejħin għaliha. Inħeġġeġ lill-amministrazzjoni u l-Ministru biex tinstab soluzzjoni malajr ħalli l-Maġistratura inkwirenti tkun tista' taqdi dmirijietha b'effiċjenza, u nżied ngħid li l-Maġistratura inkwirenti hija parti integrali mill-Qorti tal-Maġistrati u jistħoqqilha l-istess rispett u trattament bħal bqija tal-ġudikatura. Ma nistax ma nenfasizzax kemm huma sensittivi wħud mill-inkjesti li jidħlu u għalhekk il-bżonn ta' spazju sikur minn kull aspett konness mal-operat tal-Maġistrati Inkwirenti.
La darba qed insemmi l-inkjesti, nixtieq niċċara ċerti ħsibijiet dwar in-nomina tal-esperti magħżula għal ċertu rapporti speċjalizzati biex jassistu lil Maġistrati fit-tfittxija tal-verità. Illum kif jaf kulħadd id-delitti ma għadhomx marbuta biss ma' dawk tradizzjonali bħal qtil u serq. Illum il-forma tad-delitt sar iktar sofistikat b'żieda sostanzjali ta' 'white collar crimes'. Għat-tfittxija tal-verità f'dawn id-delitti u l-akkużi marbuta magħhom jeħtieġ l-id esperta fit-teknoloġija tal-informatika u fl-intelliġenza artifiċjali.
Is-sena l-oħra aċċennajt għal ħolqien ta' Awtorità Inkwirenti bil-laboratorji u uffiċini neċessarji li fiha tiġbor esperti mħarrġa u impjegati 'full time' għal dan l-iskop. Nifhem li dan ma jseħħx mill-lejl għan-nhar u sakemm isir żvilupp simili rridu ninqdew bl-għarfien ta' esperti privati. Imma hawn insibu tliet skolji. L-ewwel għaliex esperti privati li jaħdmu għall-Qorti huma limitati ħafna fin-numru u mgħarrqin bin-nomini li jsirulhom mill-ġudikatura. It-tieni għaliex hemm kawżi li jkunu ta' ċerta notorjeta pubblika u diffiċli li ssib esperti Maltin lesti li jagħtu dan is-servizz minħabba l-pubbliċita kultant negattiva jew mhux mistħoqqa li din neċessarjament iġġib magħha u Malta hi gżira żgħira ħafna, nies jafu lil xulxin u għalhekk ma ssibx min ikun disponibbli. It-tielet għaliex hemm ċertu tfittxijiet speċjalizzati li ma ssibx min jista' jagħmilhom f'Malta u għalhekk iridu jinstabu esperti barranin disponibbli biex jassistu lil ġudikatura. Ma hemm ebda forma ta' 'capping' ta' ħlas li jistgħu jitolbu dawn l-esperti. Biex inkun ċar, kull spiża mitluba trid tigi awtorizzata milll-Maġistrat b'konsultazzjoni mal-amministrazzjoni tal-Qorti. Saret kritika pubblika dwar ċertu ħlasijiet li saru in konnessjoni ma' servizzi provduti minn esperti barranin fi proċeduri kriminali. Hu inġust li tikkritika spiża li saret meta ma hemm ebda parametri jew strutturi legali in forza biex jiġu meqjusa u indirizzati dawn il-kwistjonijiet u meta l-ispiża tkun saret mhux b'kapriċċ iżda biex isir rapport kif imiss għal vertenza miġjuba quddiem il-Qorti fejn hu fid-dmir tal-ġudikant li jressaq rapport komplut ta' dak kollu pertinenti għal każ kemm favur jew kontra l-imputat.
Anki f'inkjesti normali fejn jistgħu jiġu msejħa esperti Maltin għall-inkarigu, l-problema hi aktar akuta għaliex mhux qed jinstabu bizzejjed esperti tat-traffiku, tobba forensiċi, awdituri u komputisti. Hi ħasra li hemm ir-rieda għal ħidma u għat-titjib iżda meta niġu biex inwettquha ma nsibux l-għodda għal ħidma ġia f'postha u f'waqtha.
Dan mhux qed ngħidu biex nikkritika jew nitfa' dell ikrah fuq ħadd imma biex forsi bi kliemi tiġi xprunata azzjoni iktar immedjata u effikaċi biex jiġu antiċipati u jissolvew problemi li huma fl-aħħar mill-aħħar fil-kontroll tal-amministrazzjoni pubblika tal-pajjiż.
B'rabta mal-ġudikatura kriminali fil-Qorti tal-Maġistrati kif ġa għidt, it-tneħħija tal-Inkjesti mill-Maġistratura ordinarja għenet biex jittaffa ftit mill-piż enormi ta' influss ta' kawżi li jiġu preżentati quddiem il-Qorti tal-Maġistrati kemm jekk huma tad-distrett, tal-għassa, kawżi fil-bordijiet, kawżi ċivili u amministrattivi, kumpilazzjonijiet u kawżi kriminali speċjalizzati. Iż-żieda kbira fin-numru hi riflessa fiż-żieda kbira fil-popolazzjoni li b'konsegwenza ġġib magħha influss akbar ta' kawżi ta' kull tip. Il-kawżi tad-distrett u tat-traffiku ma għadhomx dawk il-kwistjonijiet sempliċi tal-imgħoddi li jiġu deċizi fi ftit minuti f'seduta waħda. Uħud minnhom jirrikjedu smigħ ta' numru ta' xhieda fuq diversi seduti u b'indoli legali mhux sempliċi li jridu jiġu riżolti, apparti l-pieni kultant ħorox li jġibu magħhom uħud mill-akkużi. Is-sena l-oħra ressaqt is-suġġeriment li l-kawżi tal-iffissar tal-kera wara l-emendi tal-2021 ma għandhomx jibqgħu jinstemgħu minn żewġ Maġistrati kif qed isir bħalissa tenut kont tal-volum tagħhom, iżda jinstemgħu minn bordijiet speċjalizzati bi dritt ta' appell quddiem il-Qorti Inferjuri tal-Appell. Ma jidhirx li dan is-suġġeriment kellu xi ezitu mod jew ieħor. Illum qed nissuġerixxi alternattiva oħra. Sakemm dawn il-kawżi jibqgħu jinzammu fil-Qorti iżda biex jitnaqqas il-volum tal-kawżi l-oħra u sabiex, kif dejjem sostnejt, Maġistrati assenjati mansjonijiet kriminali ma jiġux mgħobbija wkoll b'kawżi ċivili u amministrattivi ukoll, qed nistieden lil Ministru jikkonsidra l-ħatra ta' żewġ Maġistrati sabiex dak ix-xogħol li mhux purament ta' natura kriminali isir minn Maġistrati assenjati dan ix-xogħol. Dan mhux ser itaffi l-volum tal-kawżi tat-traffiku, tad-drogi jew tad-distrett imma bi ftit ġudizzju tajjeb it-tqassim tax-xogħol isir aħjar. Naf li dan ser jikkreja l-problemi tal-ispazju u 'staffing'. Madankollu ma nistgħux f'qasir żmien inħallu din is-sitwazzjoni tibqa' tiggrava. Nerġa' intenni x-xewqa illi ma nistgħux nibqgħu ngħabbu l-ispazji tal-Qorti preżenti b'iktar ġudikatura u awli fejn spazju ma hemmx. Hemm il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni barra minn din il-binja. Fejn hemm ir-rieda l-mezzi jinstabu. Madankollu jridu jinstabu soluzzjonijiet immedjati biex il-problemi ma jkomplux jikbru.
Kuntrarjament għall-impressjoni li tingħata, l-Maġistratura tmexxi b'effiċjenza l-volum ta' xogħol assenjat. Imma hemm ċerti assenjazzjonijiet ta' doveri li żdiedu ħafna fil-volum. Insemmi l-kawżi tat-traffiku li f'sena daħlu mal-1,800 kawża li jinstemgħu quddiem Maġistrat wieħed. Insemmi wkoll il-kawżi ta' vjolenza domestika li jinqasmu f'dawk sommarji u oħrajn li huma kumpilazzjonijet. Avolja dan ix-xogħol illum hu maqsum fuq tliet Maġistrati bi tnejn minnhom jagħmlu kawżi ta' din in-natura biss u avolja jinqatgħu ħafna aktar kawżi milli jidħlu, il-volum u s-serjeta tal-akkużi jagħmluha diffiċli li dan ix-xogħol isir fi żmien raġonevoli. Insemmi biss li hemm mal-2,000 kawża sommarja tal-vjolenza domestika u li jidħlu mal-1,000 kawża ġdida fis-sena oltre l-kumpilazzjonijiet. Ma nistax ma insemmix ukoll il-kumpilazzjonijiet in ġenerali li bħalissa hemm pendenti mal-2,700 u jidħlu mal-1,000 kumpilazzjoni ġdida fis-sena maqsuma ma' diversi mill-Maġistrati sedenti.
Nittama li ma ndumux ma nisimgħu li ġie ippubblikat l-abbozz dwar it-tibdil fil-liġi in konnessjoni mal-kumpilazzjonijiet, emendi bżonnjuzi biex tiġi simplifikata l-proċedura b'termini preċiżi tal-għeluq tal-proċess dejjem b'ħarsien sħiħ għal drittijiet tal-bniedem. Bis-sistema preżenti ta' rinviji qed jitwalu l-proċeduri b'aktar żieda ta' rikorsi ta' safar, ta' ħelsien mill-arrest, talbiet konnessi mal-ordnijiet ta' iffriżar li jkomplu jitfgħu piż kemm fuq il-Qorti tal-Maġistrati u dik Kriminali.
Ilqajt b'ferħ madankollu s-sejħa tal-Ministru li l-Maġistratura jkollha 'court attorneys' assenjati ma' kull Maġistrat. Dan hu pass importanti mhux biss għad-dehra prattika ta' ugwaljanza fid-doveri u l-eżekuzzjoni tagħhom bejn l-Imħallfin u Maġistrati iżda hi ta' għajnuna kbira għal Maġistrat li jkollu avukat addett miegħu 'full time' biex jgħinu fir-riċerka, u abbozzar ta' sentenzi fost oħrajn. Ma nistax pero' ma nagħmilx din l-osservazzjoni li tapplika għal Qrati kollha. Il-'court attorney' mhux hemm biex jissosstitwixxi l-ġudikant iżda biex ikabbar l-'output' tal-ġudikant. Jekk dan ma jkunx jidher li qed isir allura s-sistema mhix qed titħaddem kif inhi intiża. Nagħmel ukoll is-suggeriment li l-ħidma tal-'court attorneys' għandha tkun regolata bil-liġi bħalma huma l-assistenti ġudizjarji u dan jista' jsir b'leġislazzjoni ad hoc fil-ligi tal-proċedura.
Qorti tal-Familja
Il-Qorti tal-Familja hi magħmula minn tlett Imħallfin li għandhom fuq spallejhom assenjazzjoni ta' dover delikat u sensittiv għax f'din il-Qorti qed immissu r-relazzjonijiet l-aktar intimi u umani speċjalment fejn ikun hemm minuri involuti. Il-volum ta' xogħol li jiġi quddiemhom hu kbir.
Biżżejjed ngħid li jidħlu quddiem kull ġudikant mal-250 kawża kull sena, mas-600 medjazzjoni u 300 kuntratti ġodda kull sena. Ma' dawn trid iżżid ir-rikorsi ġenerali, dawk 'pendente lite' u ammont kbir ta' rikorsi fil-medjazzjoni. L-istatistika turi li minkejja dan il-volum, il-ġudikanti preżenti qed jagħmlu ħilithom biex ilaħħqu miegħu. Imma hemm lok għal titjib kbir fil-liġi tal-familja. Nibdew bil-binja nfisha. Għalkemm il-Qorti tal-Familja qegħda f'bini għaliha pero apparti li tintuża mit-tlett Imħallfin, tintuża wkoll minn tlett Maġistrati li jieħdu ħsieb il-proċeduri kollha konnessi mal-vjolenza domestika kif ukoll il-Qorti tal-Minorenni. Għalkemm riċentament sar xogħol ta' ristrutturazzjoni fil-Qorti tal-Familja u żdiedet awla oħra mat-tnejn li ġia hemm, l-ispazju tal-binja hu ristrett ħafna. Meta tqis li jinstemgħu medjazzjonijiet, kawżi kriminali u ċivili fejn huma involuti l-partijiet u anki tfal, kultant jistennew barra l-binja ħdejn xulxin biex tinstema l-kawża tagħhom jew bil-qegħda fuq bank f'kuritur dejjaq, ma jgħin xejn għas-sigurta u serenita meħtiega f'dawn ix-xilja ta' kawżi. Hemm bżonn li jitqiesu sew dawn l-elementi u jittieħdu miżuri biex dan il-lok ikun sikur għal kulħadd inkluż il-ġudikanti stess.
Is-sistema tal-medjazzjoni li biha jibdew il-proċeduri fil-Qorti tal-Familja tagħti frott tant li minn statistika tas-sena l-oħra jidher li daħlu mal-1,800 medjazzjoni u minnhom nofshom spiċċaw bi ftehim u mhux b'kawża. Madankollu hemm lok għal titjib. Għandu jkun ikkjarifikat li medjazzjoni għandha tingħalaq f'terminu perentorju u mhux titwal bla bżonn u bla kontroll. Jekk ma jkunx hemm dixxiplina fuq kif jiġu kondotti l-medjazzjonijiet, dawn jistgħu jwasslu mhux biss għal żieda bla bżonn ta' rikorsi quddiem il-ġudikanti li huma fil-mijiet kull sena iżda wkoll jistgħu jservu bħala mezz ta' abbuz għal minn irid jinqeda ħażin bis-sistema. Intervent leġislattiv jista' jkun bżonnjuż iżda dixxiplina mill-medjaturi bl-għajnuna tad-deċiżjonijiet u ordnijiet tal-Imħallfin fil-Qorti tal-Familja jistgħu jagħtu aktar effiċjenza lis-sistema.
Bħal kull ħaġa oħra jrid ikun hemm mhux biss interventi leġislattivi f'waqthom u naf li bħalissa għaddejja konsultazzjoni wiesa fuq emendi għal liġi tal-familja, iżda hu importanti wkoll direzzjoni ċara mill-Qorti tal-Familja kolleġjali fuq vertenzi partikolari li jiġu quddiem il-Qorti tal-Familja kemm dak proċedurali kif ukoll sostantiv. Dan jgħin għaċ-ċertezza tad-dritt kif ukoll bħala riga għal medjaturi, esperti u professjonisti mqabbda mill-Qorti tal-Familja biex jgħinu fis-soluzzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-Qorti tal-Familja.
Nagħlaq billi nsemmi wkoll l-avukat tat-tfal li fuqu hemm responsabilta kbira li jsegwi l-bżonnijiet u l-preferenzi tal-minuri fl-aħjar interess tagħhom f'kull stadju tal-proċeduri fejn kull ġudikat jista' jolqothom. Dan għandu jkun ċar kemm leġislativament kif ukoll bħala 'modus operandi' fil-Qorti tal-Familja.
Kuntrarjament għal dik li hi l-perċezzjoni, isir ħafna ġid fil-Qorti tal-Familja, iżda jeħtieġ sostenn amministrattiv u finanzjaru b'saħħtu biex Qorti li terfa' fuqha l-ġid tal-familji u l-ulied pedament tas-soċjeta' tagħna taħdem biex jissewwew feriti personali u fejn dan mhux possibli jinstabu soluzzjonijiet ġusti u kompatibbli ma' dak mistenni minn soċjeta li tagħder u tifhem l-weġgħat tal-bniedem.
Qorti ta' Għawdex
Il-Qorti ta' Għawdex hi komposta minn żewġ Maġistrati 'full time' li jpoġġu fil-kompetenza ċivili u kriminali u jagħmlu wkoll inkjesti kif ukoll kawżi tal-familja u huma mgħobbijin ukoll bi proċeduri ta' ġurisdizzjoni volontarja. Qed jaqdu dmirijiethom b'serjeta u diliġenza mill-aqwa imma għandhom bżonn ta' għajnuna immedjata u b'saħħitha ta' staff dixxiplinat u kompetenti u li għandu l-ħeġġa li jaħdem biex jassisti lil ġudikatura ħalli jingħata servizz kif suppost lil poplu. Hemm ukoll nuqqas kbir ta' komunikazzjoni bejn ir-reġistru tal-Qrati ta' Malta u Għawdex fejn atti minn Għawdex ma jintbagħtux f'Malta f'waqthom. Biżżejjed jingħad li hemm appelli Superjuri minn deċiżjonijiet tal-Qrati ta' Għawdex għadhom ma ġewx trattati minħabba li l-proċess tal-kawża għadu ma ġiex minn Għawdex u dan minkejja li s-sentenza mill-Qrati ta' Għawdex ikunu ilhom li ngħataw xhur u snin qabel. Hemm bżonn intervent deċiżiv mill-amministrazzjoni tal-Qrati bl-appoġġ tal-Ministru ta' Għawdex u tal-Ġustizzja biex il-Qorti ta' Għawdex tkun tista' tiffunzjona kif għandu jkun u kif jixraq. L-Istat irid jassikura li l-Qorti ta' Għawdex ikun lok sikur u komdu għal min jaħdem fiha jew jiffrekwentaha. Għalhekk nerġa' nħeġġeġ lil-Gvern jieħu ħsieb li jagħlaq il-kwistjoni darba għal dejjem dwar il-bini ġdid tal-Qorti ta' Għawdex.
Għeluq
Sena wara l-oħra jissolvew problemi u jinbtu oħrajn. Ir-rieda qiegħda hemm. Bi ftit aktar impenn u sforz f'waqtu, bl-għajnuna ta' emendi ġusti fil-liġijiet biex jitħaffew il-proċeduri, bi 'staffing' u riżorsi adatti għall-iskop li għandhom iservu, u bl-applikazzjoni tad-doveri tal-ġudikant b'mod korrett u kostanti, kapaċi naslu fi żmien fejn id-dewmien żejjed ma jibqax tikketta sewda fuq servizz li min ikun qed jaħdem fih jista' jagħraf u jfisser is-sagrifiċċju personali u kollettiv li jġorr miegħu.
Nagħlaq dan id-diskors bi ħsieb personali tiegħi. Minkejja dak kollu li jista' jsir aħjar jew b'aktar ħeffa fis-sistema ġudizjarja tagħna jibqa' immutabbli l-prinċipju fondamentali illi l-Qrati huma t-tama u l-kenn sigur għal min qed ifittex il-ġustizzja fis-sewwa. Il-Qrati huma l-miżien li jżommu bilanċ sew bejn dak li hu tajjeb u dak li mhux, f'soċjeta' mibnija fuq id-dritt u l-ġid komuni b'rispett lejn id-demokrazija ħielsa u ħarsien tad-dritt tal-bniedem. Hi indispenabbli għalhekk il-fiduċja f'min qed jamministra l-ġustizzja fejn kull ġudizzju hemm magħmul jinbena fuq id-dritt u s-sewwa skont ma jridu l-liġijiet tal-pajjiż u d-drittijiet fondamentali tal-bniedem. Il-ġustizzja fiż-żminijiet mgħoddija kienet rappreżentata b'għata fuq għajnejha. Mhux għax ma għandhiex għajnejn biex tara iżda għaliex ġudikant fil-ġudizzju tiegħu għandu jħares biss lejn dak li hu ġust u s-sewwa skont il-liġi, mingħajr ebda kejl għas-saħħa finanzjarja, politika jew soċjali tal-persuna li tersaq quddiemu. Hemm responsabilta kbira illi l-magħżulin għal dan is-servizz juru mhux biss maturita legali, prattika u umana fid-deċizjonijiet u ordnijiet tagħhom iżda wkoll imġieba impekkabbli u umli lil hinn minn kull kritika fil-ħajja u aġir personali tagħhom u li ma jitfgħu ebda dell personali fuq id-dmirijiet tagħhom, jew fuq il-ġudikatura in ġenerali b'xi nuqqas tagħhom.
Ma għandix dubju li l-ġudikatura fl-assjem tagħha qed taqdi dawn id-dmirijet kif mistenni. Pero' hu daqstant ieħor importanti li biex id-dmirijiet tagħna ġewwa u barra l-Qorti naqduhom b'serenita u bla tfixkil u sabiex il-fiduċja li għandu jkun hemm fis-sistema ġudizjarja ma titnawwarx jew tittebba; kull min għandu setgħa pubblika jew soċjali jew għandu firxa ta' smigħ pubbliku jwieżen sew għemilu u kliemu biex ma jnaffarx u jxaqqaq il-qafas tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Din mhix għażla diskrezzjonali imma dover għal min irid il-ġid u t-tajjeb komuni u jagħti kredibilta bil-fatti lid-demokrazzija u l-istat tad-dritt. Għalhekk b'mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi għandhom b'mod ċar u bla ekwivoku jirrispettaw, josservaw u jsaħħu l-għemil tal-Qorti billi ma jħallux li l-ġudikati u ordnijiet tal-Qorti jiġu mxekkla, sfidati jew injorati u fejn Qorti Kostituzzjonali tordna tibdil fil-liġijiet, dan għandu jsir mhux b'sens ta' sottomissjoni iżda b'ħarsien sħiħ tal-interess tal-istat Malti. Ma għandix għalfejn inkun iktar ċar dwar dan u l-konsegwenzi negattivi fostna u f'għajnejn demokraziji oħra, meta wieħed mill-pilastri tad-demokrazija jitħalla bla protezzjoni xierqa jew rispett sħiħ minn dak, li fl-aħħar mill-aħħar, hu fl-obbligu u fl-interess tiegħu li jsostni biex tkompli tissaħħaħ id-demokrazija.
Għandu jkun hemm, u hu ta' fejda għal ġudikatura, kritika kostruttiva imma mhux bi kliem u aġir li kull ma jagħmlu hu li jtappnu bla bżonn jew ġustifikazzjoni.
Għandna nkunu kburin b'sistema ġudizzjarja li għajr għal xi skossi tul iż-żminijiet dejjem baqgħet soda f'kull okkażżjoni fejn il-ħaqq u s-sewwa jixxandar bla biża u bla favur u lil hinn minnn kull konsegwenza negattiva anki personali li xi deċiżjonijiet iwasslu għalihom.
Il-ġurament li ħadna quddiem l-istat Malti u quddiem Alla għandna nibqgħu ngħożżuh, nibżgħu għalih u inwettquh bl-aħjar ħila tagħna.
Grazzi.