“Aħna nemmnu bis-sħiħ li s-saħħa tal-preżenza globali ta' Malta tinsab fir-rabtiet li nżommu maċ-ċittadini tagħna li jgħixu barra, u huwa għalhekk li l-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra għandu rwol ewlieni fil-kontribut tiegħu lejn pajjiżna." Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, tenna l-impenn tal-Ministeru biex ikompli jsaħħaħ dan il-Kunsill waqt id-diskors tiegħu tal-ftuħ tas-16-il Laqgħa Annwali, li saret nhar l-Erbgħa u l-Ħamis f'Palazzo Spinola, San Ġiljan.
Il-Laqgħa Annwali ġabet flimkien membri tal-kunsill li jirrappreżentaw dijaspori Maltin minn pajjiżi differenti, sabiex jiddiskutu t-triq 'il quddiem tal-Kunsill u tad-dijaspora globali Maltija.
Waqt li faħħar il-kontribuzzjonijiet tal-membri kollha tal-Kunsill, kemm dawk preżenti kif ukoll dawk preċedenti, id-Deputat Prim Ministru ħeġġeġ lill-membri biex ikomplu jaħdmu flimkien sabiex jappoġġaw lill-komunitajiet Maltin madwar id-dinja. “Flimkien, nistgħu niżguraw li l-interessi tal-komunità internazzjonali Maltija jkunu rappreżentati sew, servuti tajjeb, u li jkomplu jevolvu," huwa qal.
Il-Ministru Borg osserva li fis-sena li għaddiet, sfidi internazzjonali bħall-kriżi klimatika, kunflitti ġeopolitiċi, u tfixkil fil-katina tal-provvista globali wasslu għal bidliet sinifikanti fil-mobilità globali. L-avvanzi teknoloġiċi u l-ekonomiji li qed jevolvu qed isawru wkoll mill-ġdid il-movimenti u l-interazzjonijiet bejn il-fruntieri.
“Dawn il-bidliet mhumiex biss sfidi imma wkoll opportunitajiet għad-dijaspora tagħna sabiex tkompli tintegra u tirnexxi mal-erbat irjieħ tad-dinja. Il-poplu Malti dejjem kien magħruf għar-reżiljenza, l-adattabilità, u s-sens qawwi ta' identità tiegħu, u dan għadu jgħodd sal-lum. L-importanza tal-konnettività, speċjalment quddiem l-isfidi globali li l-pajjiżi qed jiffaċċjaw bħalissa, ma tista' qatt tiġi sottovalutata," ikkonferma d-Deputat Prim Ministru.
Huwa faħħar l-irwol attiv ta' Malta fid-diplomazija internazzjonali, billi semma l-involviment tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda u fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) bħala eżempji tal-influwenza dejjem tikber tal-pajjiż. Huwa enfasizza li d-dijaspora Maltija għandha parti essenzjali fil-preżenza globali u l-iżvilupp futur ta' Malta.
Waqt li rrifletta fuq inizjattivi reċenti, id-Deputat Prim Ministru semma s-suċċess tal-programm Consul-on-the-Move, is-sessjoni ta' informazzjoni konġunta bejn id-Direttorat għas-Servizzi Konsulari, il-Maltin li Jgħixu Barra u Xjenza Malta, immirata biex trawwem il-kollaborazzjoni fost riċerkaturi Maltin li jgħixu barra, kif ukoll l-inizjattiva tal-Premju taċ-Ċittadinanza Maltija, li issa tinsab fit-tieni sena tagħha. Punt kruċjali diskuss fil-laqgħa annwali ta' din is-sena kienu l-emendi leġiżlattivi għall-Att dwar il-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra, li bħalissa jinsabu fl-aħħar fażijiet ta' reviżjoni. Dawn l-emendi għandhom l-għan li jsaħħu r-rappreżentanza tal-komunitajiet Maltin li jgħixu barra.
L-aġenda tal-laqgħa ta' din is-sena inkludiet ukoll diskussjonijiet maċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, kif ukoll Xjenza Malta, fost oħrajn. Il-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra għandu 15-il membru, inklużi rappreżentanti mill-Awstralja, l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, il-Kanada, u r-Renju Unit.