Pajjiż ta' Kwalità: 17-il proġett ta' riċerka bbenefikaw minn madwar €4 miljuni permezz tal-programm nazzjonali FUSION u minn programmi ta' internazzjonalizzazzjoni
17-il proġett li jkopru 7 oqsma differenti ta' riċerka bbenefikaw minn madwar €4 miljuni f'finanzjament permezz tal-programm nazzjonali FUSION, kif ukoll minn diversi programmi ta' internazzjonalizzazzjoni. Dawn l-investimenti huma indikazzjoni ċara tal-impenn li għandu l-Gvern lejn il-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Huwa mistenni li l-finanzjament ikompli jikber matul is-snin li ġejjin, b'żieda fil-budget tal-programm FUSION, minn €5 miljun għal €6.3 miljun fl-2025. Il-budget għall-iskemi ta' internazzjonalizzazzjoni se jiżdied minn €1.6 miljun għal €2.2 miljun.
Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti, waqt it-tieni edizzjoni tal-EXPO dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, avveniment li jenfasizza proġetti ta' riċerka innovattivi ffinanzjati minn Xjenza Malta. L-EXPO tipprovdi pjattaforma għar-riċerkaturi fejn jippreżentaw ix-xogħol tagħhom, filwaqt li tħeġġeġ l-iskambju ta' ideat, il-kollaborazzjoni, u tiċċelebra r-riżultati straordinarji miksuba sal-lum.
L-EXPO tinkludi wkoll preżentazzjonijiet dettaljati dwar il-proċessi ta' riċerka, esibizzjonijiet ta' prototipi, u diskussjonijiet dinamiċi ma' koordinaturi tal-proġetti, akkademiċi, u imsieħba oħra mill-industrija privata u s-settur pubbliku. Id-diskussjonijiet ġew allinjati mal-Pjan Strateġiku Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2023–2027, l-Istrateġija “Smart Specialisation" ta' Malta 2021–2027, u l-Istrateġija tal-Ispazju ta' Malta, li kollha kemm huma jindirizzaw oqsma ta' prijorità għall-investiment fl-innovazzjoni u tkabbir futur.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, spjega kif l-EXPO wriet riżultati konkreti tal-investimenti f'dan il-qasam permezz ta' soluzzjonijiet avvanzati, prototipi, u dimostrazzjonijiet żviluppati permezz ta' proġetti ta' Xjenza Malta. “Dawn il-proġetti juru biċ-ċar il-ħidma kontinwa u l-impenn tal-Gvern biex jappoġġja ekonomija innovattiva u bbażata fuq l-għarfien," qal il-Ministru Grima.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, saħaq fuq l-importanza ta' dan l-avveniment biex jiġu enfasizzati l-isforzi ta' Malta fir-riċerka u l-innovazzjoni. “Dan l-avveniment mhux biss jagħti viżibbiltà lill-proġetti li huma appoġġjati minn Xjenza Malta, imma jirrifletti wkoll l-impenn tagħna biex nippromwovu ambjent li jgħożż il-kurżità u l-kreattività fuq kull livell," qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti ħabbar ukoll li erba' benefiċjarji se jingħataw ukoll grants mill-Fond għar-Riċerka dwar il-kanċer biex jibdew jaħdmu fuq il-proġetti tagħhom.
Il-Professur Christian Scerri, Chairperson tal-Fondazzjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar il-Kanċer, saħaq fuq l-importanza tal-finanzjament f'dan il-qasam. “Bi kważi €1.2 miljun allokati għal erba' proġetti innovattivi, qed nuru l-impenn tagħna li nimxu 'l quddiem fir-riċerka dwar il-kanċer. Il-kollaborazzjoni bejn partijiet interessati, pubbliċi u privati, se tkun kruċjali biex jintlaħqu riżultati konkreti u trasformattivi," qal il-Professur Scerri.
Ritratti: MEYR/DOI