gov.mt

PR241956

PR241956

02/12/2024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U L-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL U MILL-PULIZIJA TA’ MALTA


It-Tnejn filgħodu l-Pulizija ta' Malta, kienet infurmata li l-iskejjel tal-pajjiż kienu rċivew theddida ta' bomba permezz ta' email identika li ntbgħatet lill-iskejjel tal-Istat u kif ukoll lill-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti.

Minnufih bdew l-investigazzjonijiet mis-sezzjoni tas-Cyber Crime fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, u bdiet ħidma konġunta bejn il-Pulizija, il-Forzi Armati ta' Malta u l-Ministeru għall-Edukazzjoni biex tkun assigurata s-sigurtà ta' kull persuna f'dawn l-iskejjel.​

Wara li sar l-assessjar u l-konsultazzjoni mal-Forzi tal-Ordni u l-awtoritajiet rispettivi, ġie determinat li t-theddida ma kinitx speċifika. Madanakollu, ittieħdu l-azzjonijiet kollha neċċessarji biex tiġi assigurata s-sigurtà tal-istudenti u tal-istaff. L-iskejjel eventwalment komplew bil-lezzjonijiet. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ser ikompli jsegwi s-sitwazzjoni filwaqt li l-Forzi tal-Ordni ser ikomplu għaddejjin bl-investigazzjonijiet.