gov.mt

PR242063

PR242063

16/12/2024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni fil-Peniżola ta’ Bighi


Xjenza Malta, b'kollaborazzjoni ma' Infrastruttura Malta nediet xogħlijiet ta' konsolidazzjoni fil-Peniżola ta' Bighi biex tiġi indirizzata l-instabbiltà fl-uċuħ tal-blat li jinsab taħt l-Esplora, iċ-Ċentru tax-Xjenza kif ukoll l-uffiċċji ta' Xjenza Malta. Il-proġett se jiffoka fuq l-istabbilizzazzjoni tal-irdumijiet kważi vertikali tal-ġebla tal-franka li jappoġġjaw il-pedamenti ta' dawn il-binjiet u ż-żoni tal-pajsaġġ tal-madwar.​​

Il-ġebla tal-franka fis-sit irtabet u dan irriżulta f'mases ta' blat miksur li joħolqu riskji għall-istrutturi li hemm fuqhom. Ix-xogħol ta' konsolidazzjoni huwa meħtieġ biex tiġi salvagwardjata l-integrità tas-sit, filwaqt li tiġi żgurata stabbiltà fit-tul kemm għall-bini kif ukoll għall-ambjent.

Iż-żona ngħalqet għas-sigurtà matul ix-xogħlijiet. Ġiet installata wkoll xatba tal-azzar u hoarding. Dan il-proġett, immexxi minn Xjenza Malta u l-kollaboraturi tagħha, se jtejjeb is-sigurtà u l-preservazzjoni tal-Peniżola ta' Bighi li huwa sit b'wirt storiku u ambjentali, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tiegħu għall-benefiċċju tal-viżitaturi taċ-Ċentru u l-komunità.​

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, tkellem dwar l-importanza ta' dan is-sit kemm fl-istorja rikka ta' pajjiżna u wkoll għas-settur edukattiv. “Irridu nkunu aħna, il-ġenerazzjoni tal-lum li nippriservaw dak li huwa tagħna, għall-ġenerazzjonijiet futuri, kif se nagħmlu wkoll b'dan il-proġett. Għalhekk ninsab ħerqan biex kif jitlesta dan il-proġett, nara t-tfal tal-iskola jiġu hawnhekk u jaraw, imissu u jduqu din il-parti tal-istorja rikka ta' pajjiżna," qal il-Ministru Clifton Grima.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, sostna kif dawn ix-xogħlijiet “huma ta' importanza nazzjonali, mhux biss għax jirrappreżentaw l-isforz kollaborattiv ta' diversi entitajiet, iżda huwa wkoll evidenza ċara tal-impenn tal-Gvern biex jipproteġi s-sigurtà tan-nies tagħna, il-wirt storiku tagħna, u l-ambjent tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri."

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, tkellem dwar l-importanza tal-proġett u l-ħarsien tas-sit. “Dan il-proġett jiżgura li nippriservaw mhux biss biċċa mill-wirt storiku u arkitettoniku tagħna, iżda wkoll parti essenzjali mill-istorja ta' pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet futuri," qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina, qal: “Nilqa' t-tħabbira ta' dan il-proġett ta' restawr li ladarba jitlesta jingħaqad ma' kullana ta' xogħlijiet infrastrutturali li diġà saru fil-Kalkara, inkluż ir-restawr li sar fl-ewwel parti ta' inti u dieħel lejn Bighi, li tlesta fl-2021 u qed jitgawda minn bosta llum il-ġurnata. Il-Peniżola ta' Bighi hija żona storika u mill-isbaħ fir-raħal tagħna li nħares 'il quddiem biex inkomplu nippriservawha biex tkompli ssebbaħ il-lokalità tagħna."

Is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, Duncan Brincat, qal: “L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tilqa' b'sodisfazzjon u ħajr dan il-proġett importanti li permezz tiegħu ser ikun restawrat il-bqija tas-sur kollu li jdawwar il-kosta tal-kumpless ta' Bighi. Inizjattivi bħal dawn ikomplu jħarsu l-wirt storiku tal-Kalkara li minnu nnifsu huwa wieħed nazzjonali. Inħarsu 'l quddiem biex narawh mitmum, filwaqt li nkomplu nisħqu dwar il-ħtieġa li fl-istess waqt jiġu wkoll restawrati l-banjijiet storiċi li jinsabu madwar l-istess kosta."

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm Silvio Scerri, Kap Eżekuttiv ta' Xjenza Malta, Steve Ellul, Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta, u l-Perit Janice Borg.