Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol jirreferi għar-rapport li ppubblika l-uffiċċju tal-Ombudsman iktar kmieni llum.
Kif jindika r-rapport innifsu din hija investigazzjoni li nbdiet fl-2021 bil-ħsieb li tiffoka fuq it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin f'perjodu li issa jmur lura għal iktar minn tliet snin.
Il-Ministeru jagħmilha ċara li xorta waħda kull rapport ikun evalwat bis-serjetà u b'rispett lejn l-uffiċċju li jkun ippubblikah, f'dan il-każ l-uffiċċju tal-Ombudsman.
Għaldaqstant, tul il-perjodu li kien qed jinkiteb dan ir-rapport irid ikun iċċarat ukoll li l-Ministeru nnifsu ħa diversi azzjonijiet, b'uħud minnhom ssir proprju referenza għalihom f'dan ir-rapport, hekk kif kienu tliet snin ta' bidliet u azzjonijiet kontinwi.
Liema bidliet setgħu wkoll isiru għax fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kienet miġġielda l-pjaga tad-droga, kif jirrikonoxxi r-rapport innifsu, hekk kif l-ebda riabilitazzjoni ma setgħet issir f'ħabs li jkun mimli droga.
Sadanittant uħud mill-inizjattivi ewlenin li ttieħdu fl-aħħar snin, jinkludu;
• It-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Priġunieri
• L-introduzzjoni ta' care plan għal kull priġunier li jidħol fil-ħabs
• Xogħol fuq tliet half-way houses ġodda f'Malta waħda minnhom se tkun l-ewwel waħda għall-priġunieri nisa
• Sar xogħol fid-diviżjoni tan-nisa sabiex ikun hemm post għall-omm u t-tarbija
• Saru aktar minn 40 Standard Operating Procedure li jitrattaw l-operat ta' kuljum tal-Aġenzija
• Issaħħu s-sistemi diġitali fosthom bl-Offender Management System li tgħaqqad l-imsieħba kollha fis-settur
• L-istaff tal-professjonisti li fost oħrajn jinkludi Psikologi, Psikjatri u Social workers illum ilaħħaq is-87
• Żdiedu s-servizzi mediċi offruti bħal dentistrija u oftalmoloġija u llum fl-Aġenzija hemm erba' tobba u magħhom 11-il infermier f'kull shift
• Sar admission hub fejn priġunieri ġodda qed jagħmlu l-ewwel ġimgħa fiha qabel imorru ikunu assenjati d-division
• Iddaħħal il-kunċett ta' safe cell f'numru ta' diviżjonijiet fejn ikun hemm anke monitoraġġ permezz tas-CCTV
• Ġie ngaġġat uffiċjal edukattiv u ġie rinnovat iċ-ċentru edukattiv għall-priġunieri
• Ġie rinnovat iċ-ċentru ta' taħriġ għall-uffiċjali
• Qed isir mental first aid kors lil kull ħaddiem fl-Aġenzija kemm uffiċjali u kemm dawk pajżana
• Tkabbret u nbidlet b'mod komplut il-kċina tal-ħabs u magħha tjieb is-servizz tal-ikel
• Sar rinnovar tal-forensic unit u f'numru ta' diviżjonijiet, liema xogħol huwa wieħed kontinwu
• Infetaħ post fil-Marsa biex il-priġunieri jiltaqgħu ma' uliedhom f'ambjent 'il bogħod mill-ħabs
• Ingħataw iktar opportunitajiet ta' xogħol permezz tal-prison industry
• Qed issir kollaborazzjoni ma' diversi entitajiet biex jiġu offruti numru ta' korsijiet fosthom mal-MCAST
Dan ma jfissirx li m'hemmx iktar ħidma x'issir, bil-Ministeru jkompli jirriforma fosthom il-bżonn ta' tiġdid fil-liġi tal-parole u l-introduzzjoni tal-electronic monitoring li bħalissa qiegħda fi stadju parlamentari.