L-Accountant General qiegħed iħabbar il-ħruġ ta' Stock tal-Gvern ta' Malta ta' tliet mitt miljun ewro (€300,000,000) f'xi wieħed jew f'kull wieħed minn dawn iż-żewġ stocks imsemmija hawn:
(i) 3.00% Stock tal-Gvern ta' Malta 2030 (IV); u
(ii) 3.50% Stock tal-Gvern ta' Malta 2035 (III).
Is-somma li għandha tinġabar tista' tiżdied b'ammont sa massimu ta' €150,000,000 oħra f'każ li d-domanda tkun aktar mill-ammont offrut.
Membri tal-pubbliku li huma interessati li jinvestu, jistgħu japplikaw għall-ammont sa massimu ta' erba' mija disgħa u disgħin elf u disa' mitt ewro (€499,900) kull persuna f'xi wieħed jew f'kull wieħed miż-żewġ stocks. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru minn persuna waħda jew flimkien ma' persuna jew persuni oħra. L-applikazzjonijiet għall-membri tal-pubbliku jintlaqgħu minn nhar it-Tnejn, 17 ta' Frar 2025 fit-8:30am u jagħlqu fis-2:30pm tal-Erbgħa, 19 ta' Frar 2025 jew aktar kmieni, fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.
Applikazzjonijiet mingħand investituri wholesale magħmulin f'offerti bi rkant jiftħu l-Ġimgħa, 21 ta' Frar 2025 fit-8.30am u jagħlqu f'12.00pm (f'nofsinhar) (CET) tal-istess ġurnata, jew aktar kmieni fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.
L-Accountant General ser ikun qed iħabbar il-prezz ta' kull stock li qegħdin jiġu offruti għas-sottoskrizzjoni lill-membri tal-pubbliku nhar il-Ħamis, 13 ta' Frar 2025. Dawn il-prezzijiet ser jiġu ppubblikati permezz ta' stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI).
Ir-riżultat tal-allokazzjoni ta' kull stock li jiġi allokat lill-applikanti li l-applikazzjoni tagħhom kienet magħmula f'offerti bi rkant, jiġi mgħarraf sagħtejn wara l-ħin tal-għeluq tal-irkant.
Il-formoli tal-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu minn u jiġu ddepożitati għand il-membri kollha tal-Borża ta' Malta u fornituri oħra awtorizzati ta' servizzi ta' investiment. Formoli tal-applikazzjonijiet jistgħu jitniżżlu wkoll minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor https://treasury.gov.mt/formoli-tapplikazzjoni/ minn nhar il-Ġimgħa, 14 ta' Frar 2025.
Aktar tagħrif dwar dawn l-istocks jinsab fiċ-Ċirkolari tal-Offerta li tista' titniżżel minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor https://treasury.gov.mt/stock-tal-gvern-ta-malta/ minn nhar il-Ġimgħa, 7 ta' Frar 2025.