gov.mt

PR250294

PR250294

21/02/2025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI Riżultati proviżorji u allokazzjoni tal-ħruġ tal-Istock tal-Gvern ta’ Malta – Frar 2025

Id-Dipartiment tat-Teżor iħabbar ir-riżultati proviżorji tal-ħruġ tal-Istock tal-Gvern ta' Malta ta' Frar 2025. It-Teżor irċieva s-somma nominali ta' madwar €602 miljun mill-investituri mhux professjonali u l-investituri wholesale flimkien, waqt li l-ammont tal-ħruġ kien ta' €300 miljun soġġett li s-somma tiżdied b'ammont addizzjonali sa massimu ta' €150 miljun.

B'konformità ma' Artikolu 9 taċ-Ċirkolari tal-Offerta ppublikata fis-7 ta' Frar 2025, it-Teżor ser jeżerċita d-dritt li jżid is-somma awtorizzata tal-ħruġ b'ammont addizzjonali sa massimu ta' €150 miljun oħra.

Sottoskrizzjonijiet minn Investituri Mhux Professjonali (Retail)

Sad-data tal-għeluq, fis-2:30pm tal-Erbgħa, id-19 ta' Frar 2025, il-valur nominali tal-applikazzjonijiet kollha magħmula minn investituri mhux professjonali (retail) fiż-żewġ stocks kien ta' madwar €147 miljun. Dawn l-applikazzjonijiet magħmula taħt il-parti mhux kompetittiva tal-ħruġ, bi prezz fiss għal kull stock imħabbar qabel il-ftuħ tal-applikazzjonijiet, intlaqgħu kollha.

Id-dettalji tal-allokazzjoni f'kull stock se jiġu ppublikati permezz ta' Stqarrija għall-Istampa u jittellgħu fuq is-sit elettroniku tat-Teżor wara t-tlestija tal-proċess ta' verifika tal-applikazzjonijiet mat-termini tal-Prospett Ġenerali u ċ-Ċirkolari tal-Offerta.

Sottoskrizzjonijiet minn Investituri Wholesale (Irkant Kompetittiv)

Sad-data tal-għeluq, f'nofsinhar tal-Ġimgħa, il-21 ta' Frar 2025, it-Teżor irċieva 64 offerta minn investituri wholesale fiż-żewġ stocks b'valur nominali flimkien ta' €454.5 miljun li ġew allokati kif ġej:

 Offerti sottomessi fl-IrkantAllokazzjoni
Deskrizzjoni tal-istockNr.Ammont Nominali (€)Nr.Ammont Nominali (€)
3.00% Stock tal-Gvern ta' Malta 2030 (IV)32206,000,00013*81,500,000
     
3.50% Stock tal-Gvern ta' Malta 2035 (III)32248,500,00025220,500,000
     
Total64454,500,00038302,000,000​

*Offerta bil-prezz cut-off aċċettata parzjalment

Aktar tagħrif u informazzjoni jinsabu fir-Riżultati tal-Ħruġ tal-istock li ġew ippubblikati fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor https://treasury.gov.mt/stock-tal-gvern-ta-malta/.