Aktar minn 850 ktieb bil-Malti jinsabu fi triqthom lejn l-Awstralja, il-Kanada, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Italja u l-Belġju bħala parti minn inizjattiva ġdida li se toħloq libreriji għall-Maltin li jgħixu madwar id-dinja.
Id-Direttorat għas-Servizzi Konsolari u Maltin Jgħixu Barra, fi ħdan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, f'kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Ilsien Malti fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, ingħaqdu ma' aġenziji nazzjonali oħra, fosthom l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u Libreriji Maltin, biex jistabbilixxu dawn il-libreriji f'żoni li jistgħu jilħqu komunitajiet kbar ta' Maltin li jgħixu barra.
L-ewwel kotba f'din l-inizjattiva waslu fl-Ambaxxata Maltija fi Brussell, il-Belġju, ftit xhur ilu. Kotba oħra li ngħataw b'donazzjoni għal din il-kollaborazzjoni issa qed jintbagħtu wkoll lill-ambaxxati l-oħrajn.
Sabiex tissaħħaħ din il-kollaborazzjoni, id-Direttorat iffirma wkoll ftehim maċ-Ċentru tal-Ilsien Malti biex jipprovdi servizzi lingwistiċi lid-direttorat kif ukoll lill-komunitajiet Maltin li jgħixu barra, bi pjanijiet għal proġetti oħra fil-futur li jippromwovu l-ilsien Malti fost il-Maltin imxerrdin madwar id-dinja. Il-ftehim ġie ffirmat minn Christopher Cutajar, Segretarju Permanenti tal-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u minn Dr Maris Camilleri, Aġent Uffiċjal Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, flimkien ma' Chirelle Ellul Sciberras, Direttur tas-Servizzi Konsolari u Maltin Jgħixu Barra u Kevin Mahoney, Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Il-libreriji barra l-pajjiż se jinkludu għażla ta' ġeneri u temi għal kull età u interess, inkluż comics u stejjer popolari maqluba għall-Malti, li juru d-diversità tal-wirt nazzjonali tal-pajjiż. Filwaqt li ħafna mill-kotba huma bil-Malti, Libreriji Maltin taw ukoll kotba bl-Ingliż dwar il-wirt kulturali tal-pajjiż. Dan joffri opportunità lil dawk li ma jafux il-lingwa Maltija biex isiru jafu u jinvolvu ruħhom fl-istorja u l-kultura tal-gżejjer Maltin.
Dr Charles Daniel Saliba, akkademiku, ta wkoll is-sehem tiegħu għal dawn il-libreriji ġodda permezz ta' donazzjoni ta' settijiet sħaħ tal-ewwel livell tas-sensiela Il-Malti għall-Barranin, filwaqt li l-awtur Charles Buttigieg ippreżenta kotba mis-sensiela tiegħu Karamellu tar-Raħal t'Isfel.
Dawn il-libreriji ġodda, flimkien ma' inizjattivi relatati oħra, se jkunu għodda utli ħafna għall-missjonijiet diplomatiċi Maltin fit-tmexxija ta' programmi edukattivi jew kulturali, hekk kif jippromwovu u jkattru l-interess fl-ilsien Malti. Se jnisslu wkoll skambju kulturali bejn il-gżejjer Maltin u l-komunitajiet Maltin u Għawdxin li jgħixu barra, sabiex jagħtu lil dawk li jżuru l-ambaxxati Maltin l-opportunità li jesploraw l-għana tal-ilsien Malti.