gov.mt

PR250774

PR250774

09/05/2025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Rekord ta’ numru ta’ bastimenti fuq ir-reġistru marittimu Malti, l-akbar bandiera fl-Ewropa

Sistema ġdida ta' ċertifikati diġitali għall-bastimenti u jottijiet reġistrati f'Malta minn Ġunju li ġej 'il quddiem​​

Is-settur marittimu ta' Malta kompla jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fuq livell internazzjonali. Fl-2024, ir-Reġistru tal-Bastimenti kiber bi kważi 10% u fi tmiem l-ewwel kwart tal-2025, Malta laħqet iktar minn 10,000 bastiment irreġistrat. Il-pożizzjoni ta' pajjiżna ġiet ikkonfermata bħala l-akbar reġistru marittimu fl-Ewropa u s-sitt l-akbar fid-dinja. Dan filwaqt li fejn jidħlu superyachts, Malta għandha l-akbar reġistru mad-dinja kollha.

Malta ser tkun qed tagħmel pass ieħor 'il quddiem biex ittejjeb u tiffaċilita r-reġistrazzjoni permezz ta' sistema diġitali tant li fl-1 ta' Ġunju 2025, Transport Malta se tkun qed toffri ċertifikati elettroniċi (e-certificates) lis-sidien ta' bastimenti u jottijiet reġistrati taħt il-bandiera Maltija. Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta, Kurt Farrugia u r-Reġistratur Ġenerali ta' Bastimenti u Baħrin, Ivan Tabone.

Il-Ministru Bonett iddikjara li, “Dan il-pass jagħmilna aktar kompetittivi f'industrija marittima li qed dejjem qed titlobna aktar effiċjenza, trasparenza u aċċessibilità. Bħala pajjiż marittimu, għandna l-obbligu li nagħrfu li s-sistemi ta' dari mhux dejjem jaqdu d-dinja tal-lum. Il-proċess ta' diġitalizzazzjoni ser iwassal biex inżidu l-effiċjenza bla ma nissagrifikaw is-sigurtà tal-informazzjoni sensittiva, għaliex dawn iċ-ċertifikati se jkunu verifikabbli permezz ta' QR codes u teknoloġiji oħra ta' sigurtà."

Il-Ministru temm billi rringrazzja lil kull min ħadem fuq din l-inizjattiva u tenna, “Din hija d-direzzjoni tagħna, nikbru b'għan ċar u b'għaqal, dejjem naħsbu fil-kwalità tas-servizz u fl-integrità tar-reġistru tagħna. B'hekk inkomplu niksru rekord wara ieħor f'dan is-settur li pajjiżna huwa tant kburi bih."

Il-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta Kurt Farrugia spjega kif, “Dan il-proġett huwa estensjoni naturali ta' dak li bdejna fl-2021 bl-e-certificates għall-baħħara. Diġà qbiżna t-93,000 dokument diġitali. Issa, bil-bastimenti u l-jottijiet ukoll integrati f'din is-sistema, qed niżguraw li l-pajjiż jibqa' kompetittiv u jżomm ma' kull regolament internazzjonali."

Din il-bidla ser tfisser li sidien ta' vapuri jew jottijiet jistgħu jirċievu ċ-ċertifikati tagħhom direttament b'mod elettroniku, mingħajr il-ħtieġa li jżuru l-uffiċċji ta' Transport Malta. Il-verżjonijiet diġitali huma konformi mal-istandards tal-International Maritime Organization (IMO) u jipprovdu livell għoli ta' verifikabbiltà u sigurtà.