Għaddejjin xogħlijiet ta' manutenzjoni u preservazzjoni fuq il-Loġġa tal-Palju, li tinsab fit-Telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat u tagħti għal Triq it-Tiġrija, sabiex tkompli titgawda bħala simbolu storiku tal-festa tradizzjonali ta' San Pietru u San Pawl, li tiġi ċċelebrata fit-29 ta' Ġunju.
Din il-loġġa, mibnija fl-1696 fuq disinn tal-Perit magħruf Lorenzo Gafà u fuq inizjattiva ta' Giovanni Gourgion, il-Kaptan tal-Virga tal-Muniċipalità tal-Imdina, kienet isservi bħala l-post minn fejn kienu jingħataw il-premjijiet lir-rebbieħa ta' tiġrijiet taż-żwiemel u ħmir li kienu jsiru b'mod regolari sa mill-perjodu Medjevali. Tant kienet popolari din l-attività li anke l-Gran Mastru tal-Ordni ta' San Ġwann kien jattendi.
L-aħħar restawr fuq din il-binja sar fl-2016 mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni. Minħabba l-espożizzjoni kontinwa għall-elementi naturali, inħasset il-ħtieġa li jsiru interventi ġodda biex jiġi assigurat il-preservazzjoni fit-tul ta' dan il-monument uniku. Id-dokumentazzjoni tas-sit, il-ksib tal-permessi kollha meħtieġa mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, kif ukoll l-interventi kollha fuq il-binja, qed isiru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Dan l-investiment għandu l-għan li jippreserva wieħed mill-aktar simboli storiċi u kulturali importanti fir-Rabat. Il-Loġġa tal-Palju mhijiex biss binja, iżda tifkira ħajja tat-tradizzjonijiet u l-festi Maltin. Permezz ta' dan il-proġett, qed niżguraw li ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawdu u japprezzaw dan is-sinjal ta' identità u storja kollettiva."
Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus spjega kif issa li x-xogħol ta' manutenzjoni u preservazzjoni fuq il-binja waslu biex jintemmu, il-Kunsill Lokali tar-Rabat se jkun qed jieħu ħsieb ix-xogħol fuq l-aperturi tal-injam.
Ix-xogħol beda lejn l-aħħar ta' Novembru tal-2024 u mistenni jitlesta dan ix-xahar, għajr l-aperturi li l-ħidma fuqhom mistennija tkompli sa Ottubru 2025. L-interventi kienu jinkludu tindif tal-faċċati, tikħil tal-fili fil-ħitan biex jiġi evitat id-dħul tal-ilma tax-xita, filwaqt li sar bdil limitat ta' ġebel fejn meħtieġ. Il-filata tal-opramorta tal-bejt ġiet irrestawrata, u l-ħsarat fil-ġebel sar b'kisi speċjali fuq bażi ta' ġir.