gov.mt

pr250858

PR250858

21/05/2025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Professjonisti u kumpaniji se jkunu jistgħu jagħtu bħala donazzjoni sigħat ta’ servizz lil għaqdiet volontarji

Ġie varat bank volontarju mfassal biex ilaqqa' professjonisti ma' għaqdiet volontarji li jeħtieġu sapport professjonali. Din l-inizjattiva, bl-isem ProACT - PROviders and Communities Together, ser tkun qed tagħti l-opportunità lil professjonisti, kumpaniji, studenti u individwi b'ħiliet varji sabiex jagħtu bħala donazzjoni numru ta' sigħat ta' servizz.

Din l-inizjattiva ġdida ġiet varata waqt mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Mauro Pace Parascandolo.

Din l-inizjattiva se tkun inkluża fil-portal volunteers.mt tal-MCVS, u ser tinkludi kull xorta ta' professjonist u kumpanija li tixtieq tikkontribwixxi b'mod sinifikanti fis-soċjetà bħala parti mill-corporate social responsibility. Sew jekk avukati, nutara, periti jew għalliema, u anki f'oqsma varji inkluż tal-marketing, accounts, web development, xogħlijiet manwali fil-binjiet tal-għaqdiet u kwalunkwe servizzi professjonali offruti minn kumpaniji, dawn ser ikunu jistgħu u mħeġġa japplikaw.

Fl-istess ħin, l-MCVS ser ikollha sistema parallela li biha tkun qed tiġbor informazzjoni dwar il-bżonnijiet u s-sapport professjonali li għandhom l-għaqdiet. B'hekk tkun tista' tqabbel is-sigħat imwiegħda mill-professjonisti mat-talbiet tal-għaqdiet ħalli tinħoloq kollaborazzjoni u jkompli jissaħħaħ is-settur tal-volontarjat.

It-tnedija ta' din l-iskema saret fl-ewwel jum tal-Public Service Expo Village 2025, fejn sa tmiem din il-ġimgħa, professjonisti, kumpaniji, għaqdiet u l-pubbliku inġenerali li jattendi għal din l-Expo ser ikunu jistgħu jingħataw aktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif dan il-bank volontarju ProACT mhux biss inizjattiva ta' volontarjat, imma pjattaforma ta' trasformazzjoni soċjali li tqiegħed il-valuri tal-ġustizzja u s-solidarjetà fiċ-ċentru tal-iżvilupp nazzjonali.

“Din l-iskema toħloq spazju fejn il-ħiliet u r-riżorsi ta' professjonisti, studenti u kumpaniji jingħaqdu mal-ħtiġijiet konkreti tal-għaqdiet volontarji – li spiss ikunu fuq quddiem nett fil-ġlieda għall-ġustizzja soċjali u l-inklużjoni. ProACT tirrifletti l-impenn tagħna lejn il-Viżjoni Malta 2050, b'mod partikolari l-pilastru tal-Inklużjoni Soċjali. Qed nibnu Malta fejn kulħadd għandu sehem u fejn is-servizz lejn il-komunità jsir parti mill-identità nazzjonali. Dan hu l-mod kif noħolqu soċjetà aktar ġusta, aktar magħquda, u b'saħħitha għal ġenerazzjonijiet futuri," temmet tgħid il-Ministru Farrugia.

Il-Kap Eżekuttiv Mauro Pace Parascandalo qal, “Ir-realtajiet ta' ħafna għaqdiet volontarji, speċjalment dawk żgħar, juruna li ħafna drabi ma jkunux jaffordjaw servizzi professjonali. Għaldaqstant ħsibna li noħolqu struttura li permezz tagħha, professjonisti u kumpaniji jistgħu jserrħu moħħhom li s-sigħat li ser jagħtu bħala donazzjoni ser imorru għand dawk l-għaqdiet li l-aktar għandhom bżonnhom. Fl-istess waqt l-għaqdiet isibu għajnuniet varji f'sistema waħda ċentralizzata."

L-għaqdiet volontarji li japplikaw iridu jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.


​​​