Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li ġie mniedi helpline nazzjonali ġdid bin-numru 1400, li se jkun disponibbli 24/7, bil-għan li pazjenti li jiġu bżonn assistenza medika urġenti li mhux ta’ emerġenza, jużaw dan in-numru biex jingħataw gwida fejn l-aħjar jingħataw l-aħjar kura, qrib ta’ darhom u fl-inqas ħin possibbli.
Ġie spjegat kif l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett beda fil-bidu tas-sena, fejn professjonisti mill-isptar bdew jirreferu pazjenti għal sptarijiet privati bil-pazjent jinqeda f’inqas ħin. It-tieni fażi mbagħad rat tobba tal-familja jagħmlu użu minn dan in-numru u jiġu ggwidati fejn l-aħjar jirreferu l-pazjenti tagħhom. Issa, permezz ta’ din il-fażi nies li għandhom bejn 16 u 69 sena, jistgħu jagħmlu użu mill-helpline 1400 fejn issirlu dijanjosi minn professjonisti u jiġi ggwidat fejn l-aħjar jingħata l-kura meħtieġa. F’każ li persuna ċċempel il-helpline 1400 u jkun każ ta’ emerġenza, din it-telefonata xorta tiġi direzzjonata lid-Dipartiment tal-Emerġenza.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif permezz ta’ din t-tnedija qed jidħol fis-seħħ it-tielet fażi minn dan il-proġett. Spjega kif hu mistenni li madwar 50 persuna kuljum li ssoltu jirrikorru fid-Dipartiment tal-Emerġenza, issa jkunu jistgħu jiġu ttrattati fi sptarijiet privati, bi spejjeż għall-Gvern.
“Din hija miżura li ilna naħdmu fuqha dawn l-aħħar xhur. Aħna dejjem sħaqna li huwa importanti li ngħaqdu r-riżorsi tagħna biex niżguraw li l-pazjent jingħata kura bla dewmien u l-pazjent jirċievi dan it-trattament b’mod sigur,” qal il-Ministru Abela.
Huwa kompla li dan il-proġett huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern li jħares saħħet il-pazjent u fl-istess waqt min ikollu bżonn kura urġenti jistenna inqas. Filwaqt li dawk il-persuni li jkunu f’kundizzjoni t’emerġenza jew saħansitra jeħtieġu trattament ta’ ħajja jew mewt, jingħataw kura aktar iffukata.
“Nirringrazzja lill-professjonisti kollha li ħadmu bla waqfien biex illum qegħdin noffru din il-pjattaforma liċ-ċittadini tagħna. Il-Gvern ser jibqa’ jaħdem biex nibqgħu noffru servizz sigur u spedit li minnu ntejbu mhux biss il-kura offruta, iżda wkoll ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-pazjent,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.