Malta ser tkun qed tipparteċipa bħala sieħeb nazzjonali fil-proġett Erasmus+ 2023 Digital for All. L-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb il-litteriżmu diġitali fost persuni b’diżabilità u gruppi vulnerabbli oħra madwar l-Ewropa, u tagħtihom is-setgħa li jipparteċipaw b’mod aktar sħiħ fis-soċjetà, fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u fil-kultura.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti waqt żjara illi huma għamlu għand il-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (FITA).
Il-proġett huwa mibni fuq programm ta’ taħriġ diġitali bbażat fil-komunità li jista’ jiġi adattat u implimentat f’kuntesti kulturali varji. Il-kurrikulu nħoloq minn żgħażagħ b’diżabilità u ġie żviluppat f’kors komprensiv ta’ erba’ moduli li jkopri għaxar xhur. Matul il-proġett, persuni b’diżabilità jiġu mħarrġa permezz ta’ sessjonijiet pilota fl-Estonja, il-Litwanja, Malta, minn membri tal-Kunsill Ewropew tal-Persuni Awtistiċi (EUCAP).
F’Malta, seba’ żgħażagħ b’diżabilità qed jipparteċipaw b’mod attiv fil-proġett, flimkien ma’ sħabhom minn pajjiżi oħra tal-UE.
Il-Ministru Julia Farrugia spjegat, “Fid-dinja tal-lum, id-diġitalizzazzjoni mhijiex għażla, iżda hija realtà li rridu ngħixu fiha. Iżda għalina bħala Gvern, mhux biżżejjed li nibnu infrastruttura diġitali; irridu niżguraw li ħadd ma jibqa’ lura. Permezz tal-proġett Digital for All, Malta qed tibgħat messaġġ ċar: il-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza fl-aċċess għat-teknoloġija huma ta’ prijorità għal dan il-Gvern.”
“Dan il-proġett jikkonferma l-impenn tagħna li ngħaqqdu l-komunitajiet, inżidu l-opportunitajiet u nipprovdu l-għodod meħtieġa biex kull ċittadin — b’mod partikulari dawk b’diżabilità — ikun jista’ jilħaq il-potenzjal tiegħu bis-sħiħ. Huwa billi ninvestu fin-nies li nibnu soċjetà aktar ġusta, aktar inklużiva u tassew Ewropea. Malta tibqa’ minn ta’ quddiem nett biex tqajjem kuxjenza u twassal bidla konkreta f’dan il-qasam tant kruċjali għall-futur komuni tagħna,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tenna, “Il-proġett Digital for All huwa eżempju ċar ta’ kif l-innovazzjoni tista’ tkun forza għal ġid soċjali. Billi ninvolvu ż-żgħażagħ b’diżabilità fil-ħolqien u t-twassil ta’ taħriġ diġitali, qed nuru li l-inklużjoni u r-riċerka jistgħu jimxu id f’id. Dan l-approċċ mhux biss isaħħaħ il-ħiliet personali tagħhom, iżda joffrilhom rwol ċentrali fit-tfassil ta’ soċjetà aktar ġusta u diġitalment miftuħa. Malta tibqa’ kommessa li tappoġġja proġetti bħal dawn li jagħtu leħen u spazju lil kulħadd.”
Matul dan ix-xahar id-Direttorat għall-Kwistjonijiet ta’ Diżabilità se jkun qed jospita laqgħa tal-parteċipanti tal-proġett f’Malta bħala parti minn kollaborazzjoni u skambju ta’ għarfien kontinwu. Żgħażagħ b’diżabilità f’Malta se jiltaqgħu ma’ sħabhom minn pajjiżi oħra tal-UE. Dawn iż-żjarat għandhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni Ewropea u jaqsmu l-aħjar prattiki fl-edukazzjoni diġitali inklużiva.
Minbarra r-riżultati tat-taħriġ dirett, il-proġett ifittex ukoll li jinfluwenza wkoll fuq livell leġiżlattiv. Qed jiġu abbozzati rakkomandazzjonijiet ta’ politika magħmula minn esperjenzi reali tal-parteċipanti u dawn se jiġu maqsuma mal-UE kollha permezz tal-Forum Ewropew tad-Diżabilità, il-Pjattaforma Ewropea tad-Diżabilità, u permezz tal-Presidenzi tal-Kunsill tal-UE.
Flimkien mad-Direttorat għall-Kwistjonijiet ta’ Diżabilità f’Malta, il-kollaboraturi tal-proġett huma l-Kamra Estonjana tal-Persuni b’Diżabilità, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tal-Litwanja, il-Fondazzjoni Estonjana ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Kunsill Ewropew tal-Persuni Awtistiċi (EUCAP).