B’aktar minn 85 organizzazzjonijiet volontarji li ġew assisti u €1.8 miljun ta’ fondi allokati matul dawn l-aħħar tliet snin, qed titnieda l-ħames sejħa tal-iskema tal-effiċjenza fl-enerġija u l-ilma għall-għaqdiet volontarji.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u l-Ministru għall-Volontarjat Julia Farrugia, wara żjara fis-Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard, il-Mosta, liema soċjetà bbenefikat mill-iskema sabiex investiet f’sistemi operattivi aktar effiċjenti.
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet fuq is-suċċess u l-interess kontinwu mill-organizzazzjonijiet volontarji li wassal biex kull sena jkun hemm volum dejjem jikber ta’ applikazzjonijiet. “Importanti li kulħadd ikun inkluż fil-ħidma tagħna lejn pajjiż aktar sostenibbli. Kull settur għandu s-sehem tiegħu, b’hekk din it-tranżizzjoni tkun dejjem aktar ġusta u inklussiva. L-għaqdiet volontarji spiss jiffaċċjaw sfidi finanzjarji, u b’hekk din l-iskema tipprovdi l-appoġġ neċessarju biex dawn l-għaqdiet jutilizzaw mezzi aktar effiċjenti u prattiċi,” qalet il-Ministru Dalli.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia, spjegat kif din it-tnedija torbot bis-sħiħ mal-Viżjoni Malta 2050 varata mill-Gvern aktar kmieni din is-sena. “Din l-iskema hija prova oħra ta’ kif dan il-Gvern jibqa’ jmexxi politika ta’ viżjoni u mhux ta’ reazzjonijiet temporanji. Permezz ta’ kollaborazzjoni interministerjali bejn entitajiet pubbliċi, qed nagħtu għodod konkreti lill-organizzazzjonijiet volontarji biex jagħmlu l-qabża ambjentali meħtieġa u jsiru parti mill-mixja tagħna lejn Malta aktar nadifa, effiċjenti u sostenibbli. Il-flus li jiffrankaw, jistgħu issa jinvestuhom fi proġetti b’risq il-komunità”.
“Dan kollu jagħmel parti mill-viżjoni tagħna għal Malta sal-2050 – Malta Vision 2050 – fejn naraw soċjetà b’saħħitha, mibnija fuq is-solidarjetà, u fejn kull investiment fl-ambjent huwa wkoll investiment fil-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna. Għandna fiduċja sħiħa fil-kapaċità tal-għaqdiet volontarji tagħna biex ikunu katalisti ta’ bidla pożittiva – u bħala gvern se nibqgħu nsostnuhom, mhux bil-kliem, imma bl-għajnuna konkreta,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia.
L-iskema qed titmexxa mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), se tkun qed terġa’ tassisti l-għaqdiet volontarji sabiex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilma fil-faċilitajiet tagħhom, mhux biss minn aspett ta’ sostenibbiltà, iżda wkoll biex inaqqsu l-ispejjeż operattivi tagħhom.
Kull organizzazzjoni volontarja eliġibbli se tingħata għotja sa €27,000, b’dawn il-fondi jgħinu lill-għaqdiet biex jinstallaw jew jissostitwixxu apparat fil-binja tagħhom, sabiex inaqqsu l-emissjonijiet u jaħdmu b’sistemi aktar effiċjenti.
B’aktar minn 120 intervent, l-għaqdiet volontarji li bbenefikaw minn din l-iskema fil-passat jinkludu għaqdiet sportivi, każini tal-banda, kif ukoll gruppi soċjali u mużikali. Minn installazjonijiet ta’ solar water heaters u dwal LED sa bdil fis-sistemi tal-arja kundizzjonata, tagħmir u apparati tal-kċina u t-tindif u restawr ta’ ġibjuni. Frott ta’ dan is-suċċess, l-applikazzjoni se tkun qed terġa’ tiftaħ ukoll għall-organizzazzjonijiet volontarji li diġà bbenefikaw minn din l-iskema u li jixtiequ jżidu miżuri aktar sostenibbli.
Manuel Sapiano, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, tenna l-impenn kontinwu tal-Aġenzija lejn għaqdiet volontarji għas-sapport lejn żvilupp aktar sostenibbli, “Din l-iskema tirrifletti l-impenn tal-Aġenzija biex inkomplu nsaħħu lill-għaqdiet volontarji billi jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u tal-ilma, inaqqsu l-ispejjeż, u joperaw b’mod aktar effiċjenti biex ikomplu jtejbu l-għanijiet ambjentali f’Malta.”
L-applikazzjonijiet għall-Iskema se jiftħu fil-15 ta’ Lulju. Għal dawk l-għaqdiet li huma interessati, se ssir sessjoni ta’ informazzjoni online fil-25 ta’ Ġunju 2025 biex tipprovdi iktar informazzjoni fuq l-iskema kif ukoll tindirizza mistoqsijiet relatati mal-proċess tal-applikazzjoni. Għal aktar informazzjoni fuq l-iskema tal-Effiċjenza fl-Enerġija u fl-Ilma żur is-sit https://energywateragency.gov.mt/voluntary-organisations-scheme/.