gov.mt

pr251095

PR251095

20/06/2025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI Offerta ta’ rollover lid-detenturi tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta – Ħruġ 2020 fi ħruġ ġdid tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta – Ħruġ 2025

L-Accountant General tistieden lid-detenturi tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2020 (Bond li ser Jimmatura) sabiex iġeddu l-ammont sħiħ li ser jimmatura f'Bond Ġdid tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2025 b'effett mill-21 ta' Lulju 2025. Id-Detenturi tal-Bond Eżistenti tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2020 li jagħżlu li jġeddu l-investiment tagħhom fil-Bond il-Ġdid tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2025, ser jiġu allokati l-istess ammont nominali li kellhom fil-Bond li ser jimmatura.

 

Il-ħruġ il-ġdid tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2025 ser jinħareġ bl-istess termini tal-ħruġ eżistenti tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2020, ħlief għar-rata tal-imgħax, li ser tkun ta' 2.70% fis-sena għal 5 snin. Il-Ħruġ il-ġdid tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2025 ser jinħareġ skont il-prospett ippubblikat fl-20 ta' Ġunju 2025.

 

Arranġamenti tar-Rollover

 

Ser tintbagħat Formola tal-Applikazzjoni preskritta li fiha ser ikun hemm l-ammont nominali investit fit-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2020, lid-detenturi kollha ta' dan il-Bond, li isimhom jidher fir-reġistru f'għeluq il-ġurnata ta' negozju tal-Ħamis il-5 ta' Ġunju 2025 (id-data cut-off). Id-detenturi li jagħżlu li jġeddu l-investiment għandhom jiffirmaw il-Formola tal-Applikazzjoni u jibagħtuha fl-envelop indirizzat u ipprovdut mal-Formola tal-Applikazzjoni sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn, is-7 ta' Lulju 2025.

 

Id-detenturi li ma jixtiqux iġeddu l-investiment tagħhom m'għadhom bżonn jagħmlu xejn u ser jirċievu l-ħlas lura tal-kapital it-Tnejn, il-21 ta' Lulju 2025 (id-data tal-maturità). 

 

Detenturi tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2020 li jagħżlu li jġeddu l-investiment fil-Bond il-Ġdid ser ikunu reġistrati bħala detenturi tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2025 b'effett minn nhar it-Tnejn, il-21 ta' Lulju 2025.

 

Termini tal-ħruġ il-ġdid 62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta - Ħruġ 2025

 

It-termini tal-Bond il-Ġdid huma simili għat-termini u kundizzjonijiet tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta' Malta – Ħruġ 2020, ħlief għar-rata tal-imgħax, li ser tkun ta' 2.70% fis-sena għal ħames (5) snin li ser jimmatura fl-2030. Il-Bond ma jistax jiġi negozjat, assenjat, trasferit lil xi individwu ieħor jew jingħata bħala rahan.

L-imgħax jitħallas kull sitt xhur b'lura fil-21 ta' Jannar u fil-21 ta' Lulju għall-perjodu kollu ta' ħames snin. Id-detenturi jistgħu jirtiraw l-ammont kollu investit qabel il-21 ta' Lulju 2030 (id-data tal-maturità), soġġett għal ħlas ta' penali għall-fidwa bikrija, ekwivalenti għal 3 xhur imgħax gross fuq l-ammont irtirat, bir-rata tal-imgħax li jħallas il-Bond.

 

Aktar informazzjoni tista' tinkiseb mill-prospett, li jista' jitniżżel mis-sit elettroniku tat-Teżor f'www.treasury.gov.mt.​