Xjenza Malta, f'kollaborazzjoni mal-EURISY, l-Assoċjazzjoni għall-Aġenziji Spazjali Ewropej, ospitat workshop internazzjonali ta' jumejn bit-tema “Big Data: Space Solutions for Society" ġewwa l-Esplora. L-avveniment laqqa' flimkien atturi ewlenin fir-riċerka, il-politika u l-industrija minn Malta u madwar l-Ewropa biex jesploraw kif id-data mis-satelliti qed tinbidel f'għodda għal soluzzjonijiet sostenibbli għall-isfidi tas-soċjetà.
Permezz ta' dan il-workshop, Xjenza Malta saħħet l-impenn tagħha li tappoġġja l-użu ta' teknoloġiji spazjali u data satelittari fl-ekonomija u fis-servizzi pubbliċi, filwaqt li kkonfermat l-għan tagħha li tindirizza sfidi ambjentali u soċjali permezz ta' soluzzjonijiet bbażati fuq l-evidenza u l-innovazzjoni. L-avveniment saħħaħ ir-rwol ta' Malta fl-ekosistema Ewropea tal-ispazju u ħoloq pjattaforma għal djalogu produttiv bejn l-istituzzjonijiet, ir-riċerkaturi u l-industrija.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li, “Il-gvern huwa impenjat li jappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni f'kull qasam, inkluż it-teknoloġija spazjali. Dan il-workshop juri kif Malta qed tfittex li tiżviluppa ekosistema spazjali miftuħa għall-kollaborazzjoni u għall-użu tanġibbli fid-dinja reali."
“Kommessi li nkomplu nsaħħu l-kapaċitajiet tagħna f'dan il-qasam għaliex id-data satelittari tista' tħalli impatt reali fuq ħajjitna ta' kuljum – minn kif nipproteġu r-riżorsi naturali tagħna, sa kif nippjanaw bl-aħjar mod għall-iżvilupp sostenibbli. Malta trid tkun fuq quddiem f'din ir-rivoluzzjoni tad-data," temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Xjenza Malta Silvio Scerri żied, “Permezz ta' inizjattivi bħal din, qed nippjanaw futur fejn id-data u t-teknoloġija jsaħħu s-servizzi pubbliċi u jkomplu jpoġġu lil Malta bħala ċentru ta' innovazzjoni bbażata fuq l-ispazju."
L-ewwel jum tal-workshop iffoka fuq applikazzjonijiet nazzjonali, inklużi studji ta' każijiet li juru kif it-teknoloġiji tal-Osservazzjoni tad-Dinja qed jiġu integrati f'oqsma bħall-agrikoltura, l-ippjanar u l-użu tal-art. Riċerkaturi u intrapriżi ġodda lokali ppreżentaw kif qed jużaw l-intelliġenza artifiċjali u pjattaformi tad-data biex jikkonvertu data spazjali f'għarfien azzjonabbli. Francesco Vilhena da Cunha, CEO ta' GeoSat, wera kif id-data tal-Osservazzjoni tad-Dinja b'Riżoluzzjoni Għolja qed toffri valur sinifikanti kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat.
It-tieni jum iddedikat għall-għarfien Ewropew, ra preżentazzjonijiet minn esperti mill-EARSC, Terradue, Oikon u l-Università ta' Malta. L-applikazzjonijiet ippreżentati koprew suġġetti bħall-iżvilupp sostenibbli, il-monitoraġġ marittimu u l-ippjanar urban. Il-Professur Charles Galdes qasam ir-riċerka tiegħu dwar kif l-IA u d-data satellitari qed jiġu applikati biex jiġu stmati l-kimika tal-oċean u jsaħħu l-isforzi ambjentali u klimatiċi.
Wara dan, kien hemm panel b'rappreżentanti minn Xjenza Malta, EURISY u uffiċċji spazjali nazzjonali, li ddiskutew strateġiji għal aktar adozzjoni u integrazzjoni tad-data satelittari fil-politika u f'soluzzjonijiet operattivi.
Dan l-avveniment ikkonferma r-rieda ta' Malta li timmira lejn teknoloġiji spazjali mhux biss bħala għodda ta' riċerka iżda wkoll bħala pilastru għat-teħid ta' deċiżjonijiet sostenibbli madwar is-setturi kollha tas-soċjetà.