Żieda ta’ €50,000 fil-baġit fuq snin preċedenti
Tnediet għal sena oħra l-iskema Civil Society Fund biex tgħin għaqdiet volontarji jimirħu fuq skala Ewropea u internazzjonali.
It-tħabbira ta’ din l-iskema saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Mauro Pace Parascandolo.
Din l-iskema tinkludi fondi għal kollaborazzjoni ma’ għaqdiet barranin, inkluż sħubija f’assoċjazzjonijiet, networks u konfederazzjonijiet, attendenza f’konferenzi u laqgħat, u kif ukoll taħriġ fuq livell Ewropew.
Il-baġit totali ta’ din is-sena għal dan il-fond huwa ta’ €200,000, żieda ta’ €50,000 fuq is-snin ta’ qabel. F’għaxar snin minn meta beda sa issa, ġew allokati għalih aktar minn miljun u nofs ewro. Kull applikazzjoni sottomessa tista’ tieħu sa massimu ta’ €6,000, li jistgħu jkopru sa massimu ta’ 80% tal-ispejjeż eliġibbli.
It-tnedija ta’ din l-iskema saret fis-sede ta’ Din l-Art Ħelwa fil-Belt Valletta, għaqda li taħdem qatigħ fis-settur kulturali u li tmexxi numru ta’ siti storiċi inkluż torrijiet u kappelli, u li din is-sena qed tiċċelebra s-sittin anniversarju mit-twaqqif tagħha. Permezz tas-Civil Society Fund, Din l-Art Ħelwa setgħet iġġedded l-affiljazzjonijiet internazzjonali tagħha, kif ukoll tattendi konferenzi barra minn xtutna relatati mal-wirt kulturali.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia spjegat kif “il-Gvern se jibqa’ kommess li jagħti s-setgħa lill-għaqdiet volontarji biex ikomplu jippromettu lil hinn minn xtutna. Din iż-żieda fis-Civil Society Fund hija prova ċara li se nkomplu nkunu hemm mhux biss b’għajnuna finanzjarja iżda wkoll b’għajnuniet oħra illi jgħinu lill-għaqdiet jilħqu l-aspirazzjonijiet u l-potenzjali sħiħ tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, nafu li b’dawn l-għajnuniet, igawdu n-nies permezz ta’ aktar proġetti fil-komunità. Il-volontarjat mhux biss jikkontribwixxi għall-komunità lokali, iżda jirrappreżenta lil Malta b’dinjità fuq livell internazzjonali.”
Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo stqarr li “dan il-fond huwa popolari mal-għaqdiet għaliex huwa sors ta’ tagħlim, aġġornament, parteċipazzjoni u anki kontribuzzjoni fuq livelli u dimensjonijiet Ewropej u internazzjonali. Dan il-fond m’huwiex biss kontribuzzjoni finanzjarja iżda joffri opportunitajiet lill-għaqdiet barra l-pajjiż.
L-għaqdiet volontarji ser ikunu jistgħu japplikaw billi jżuru s-sit elettroniku vofunding.org.mt minn nofsinhar tal-Erbgħa 16 ta’ Lulju 2025 sa nofsinhar tal-Erbgħa 27 ta’ Awwissu meta l-applikazzjonijiet jagħlqu. Ser issir ukoll laqgħa ta’ informazzjoni l-Erbgħa 30 ta’ Lulju sabiex tgħin lill-applikanti matul il-proċess tas-sottomissjoni u biex jifhmu aħjar il-linji gwida.
Aktar informazzjoni fuq din l-iskema u oħrajn tista’ tinkiseb fuq is-sit elettroniku vofunding.org.mt.