Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, żaru l-proġett OurOBS (Our OBServations) abbord R/V Gaia Blu – bastiment ta’ riċerka oċeanografika.
Il-proġett, immexxi mill-MCAST f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Aquatic Resources Malta u appoġġjat minn Xjenza Malta u l-Consiglio Nazionale delle Ricerche (CNR) tal-Italja, għandu l-għan li jwettaq l-ewwel immappjar ta’ 360 grad tal-istruttura fiżika u bijokimika tal-kolonna tal-ilma madwar il-gżejjer Maltin. Din l-inizjattiva se tikkontribwixxi għal tagħrif aktar profond tad-dinamiċi tal-baħar u r-rabtiet tagħhom mal-ekosistemi kostali u l-ħut pelaġiku żgħir, filwaqt li tipprovdi wkoll bażi xjentifika għal prattiċi ta’ sajd sostenibbli u għall-immaniġġjar tal-baħar.
Fl-intervent tiegħu waqt iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti qal, “L-ibħra Maltin huma 14-il darba ikbar mill-art tagħna u għaldaqstant impenjati li nkomplu nsegwu u nimmaniġġjaw b’mod sostenibbli l-ibħra tagħna. Permezz ta’ dan il-proġett, qed nibnu l-bażi ta’ għarfien meħtieġ għal sajd sostenibbli, komunitajiet kostali aktar b’saħħithom u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Din il-kollaborazzjoni tirrifletti l-Viżjoni Malta 2050 u l-impenn tagħna li nkunu mhux biss utenti tal-baħar, iżda wkoll kustodji responsabbli tiegħu.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said sostniet li, “Dan il-proġett huwa pass importanti ’l quddiem biex Malta tkompli tissaħħaħ fil-kapaċità tagħha li tagħraf b’mod sostenibbli r-riżorsi tal-baħar tagħna. Bħala gżira, huwa kruċjali li ninvestu f’informazzjoni tajba biex isservi ta' gwida għad-deċiżjonijiet tagħna dwar is-sajd, l-akwakultura u l-konservazzjoni tal-ambjent marittimu. Din l-inizjattiva tixhed l-importanza tax-xjenza u l-kollaborazzjoni biex nibnu ekonomija blu reżiljenti u sostenibbli. Bħala Gvern u bħala parti mill-Viżjoni Malta 2050, impenjati li nkomplu nappoġġjaw dawn l-isforzi u niżguraw li Malta tkompli tagħti sehemha fl-isforzi reġjonali u Ewropej favur ibħra aktar sostenibbli kif ukoll użu aktar għaqli tar-riżorsi tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Professur Aldo Drago, Investigatur Prinċipali ta’ dan il-proġett sostna, “Dan il-bastiment ta’ riċerka oċeanografika jirrappreżenta pass fundamentali biex nimxu lejn approċċ ta’ immaniġġjar tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistema, li ma jillimitax ruħu għall-monitoraġġ bażiku iżda jinkludi osservazzjonijiet ripetuti u studji dettaljati dwar id-dinamika tal-ambjent marittimu. Dan se jippermettilna nifhmu aħjar l-istokkijiet tal-ħut, inkunu nistgħu nimmonitorjaw is-saħħa tal-ekosistema u fl-aħħar mill-aħħar jiggwidaw prattiki ta’ sajd sostenibbli għall-futur.”
Waqt iż-żjara tkellmu wkoll Simona Genovese (CNR), il-Kap Eżekuttiv tal-Aquatic Resources Malta Dr Francis Fabri u l-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST Stephen Vella. Dawn enfasizzaw l-ambitu xjentifiku u edukattiv tal-proġett, inkluż il-parteċipazzjoni ta’ studenti tal-MCAST abbord R/V Gaia Blu biex jiksbu esperjenza diretta fit-teknoloġiji użati fir-riċerka marittima.
Il-proġett offra wkoll opportunità ta’ sensibilizzazzjoni pubblika, hekk kif il-bastiment fetaħ il-bibien tiegħu għall-viżitaturi biex jesperjenzaw it-tagħmir u l-metodi avvanzati użati f’dan il-bastiment ta’ riċerka oċeanografika. Din l-inizjattiva ta’ sensibilizzazzjoni, appoġġjata mill-Valletta Cruise Port, kellha l-għan li tqanqal iktar interess fix-xjenza marittima u fil-konservazzjoni tal-ambjent.
Is-sejbiet u r-riżultati preliminari tal-proġett OurOBS se jitqassmu fix-xhur li ġejjin, filwaqt li d-data se tkun aċċessibbli għall-użu xjentifiku u għat-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza, b’risq l-immaniġġjar sostenibbli tal-baħar ta’ Malta.