Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ħabbar uffiċjalment il-bidu ta' proġett ta' riġenerazzjoni f'Marsaskala b'investiment ta' €18-il miljun. Il-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid tal-promenade b'tul ta' 1.5 kilometru li jwassal mill-knisja parrokkjali sal-ex lukanda Jerma. Fost il-komponenti ewlenin tal-proġett hemm ukoll ferry landing ġdid li ser iservi biex Wied il-Għajn u n-Nofsinhar ta' Malta jiżdiedu mal-kumplament tas-servizzi ta' Tallinja Bil-Baħar permezz ta' Fast Ferry li twasslek dirett il-Belt Valletta.
Il-Ministru Chris Bonett enfasizza li dan il-proġett ta' riġenerazzjoni ser ikun qed jagħti lura lil Marsaskala d-dinjità li tixirqilha bi promenade sabiħ, sigur u aċċessibbli. “F'Wied il-Għajn mhux qed insebbħu biss, imma qed noħolqu mod ġdid ta' kif ngħixu u nesperjenzaw dan ir-raħal, b'servizzi ġodda ta' mobilità bħall-fast ferry, buses ċirkolari u servizz ta' Park & Ride, ilkoll mezzi ta' trasport alternattiv u sostenibbli."
Il-Ministru Bonett kompla billi spjega kif dan il-proġett mhux biss ser jerġa' jagħti l-ħajja lil din il-lokalità iżda ser jindirizza problemi infrastrutturali li l-baħar ħoloq maż-żmien, inkluż tiswijiet fl-islipways u l-mollijiet. “Din ser tkun ħolqa integrali mill-katina ta' Tallinja bil-Baħar fejn se ngħaqqdu s-South mal-bqija tan-network tal-ferries b'mod effiċjenti u affidabbli. Dak li wegħedna qed inwettquh," temm jgħid il-Ministru Bonett.
Is-Sindku ta' Marsaskala Mario Calleja laqa' dan il-proġett b'sodisfazzjon u qal li dan l-investiment se jreġġa' lura għas-sbuħija u l-popolarità li kellha din il-lokalità, meta l-familji Maltin kienu jmorru biex igawdu l-promenade u l-ġmiel naturali taż-żona.
Min-naħa tiegħu, il-Professur Vincent Marmarà ppreżenta survey dettaljat fost ir-residenti ta' Marsaskala, b'dan is-sondaġġ juri li hemm appoġġ qawwi għal dan il-proġett, b'aktar minn sebgħa minn kull għaxar residenti juru r-rieda li jużaw is-servizz tal-fast ferry ladarba jibda.
Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett mistennija jibdew dalwaqt u se jinqasmu f'fażijiet biex jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti u n-negozji.