Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri pparteċipa f'numru ta' laqgħat marbuta mal-Ġimgħa ddedikata għar-reġjuni fl-Unjoni Ewropea. Fosthom indirizza l-konferenza “Cohesion objectives beyond cohesion policy" b'rabta mal-finanzjament Ewropew lir-reġjuni fil-periferija tal-Ewropa, li saret fil-Kumitat tar-Reġjuni fi Brussell nhar il-15 ta' Ottubru 2025.
Il-Ministru Camilleri qal li dan hu l-mument ideali għal din il-laqgħa, hekk kif l-Unjoni Ewropea għadha kif ippreżentat il-Multi Annual Financial Framework (MFF) u bosta pajjiżi qed iressqu l-proposti u s-suġġerimenti tagħhom kif dan il-pakkett għandu jiġi mtejjeb, ewlenin fosthom b'elementi aktar flessibbli biex reġjuni bħal Għawdex jingħataw vantaġġ.
Huwa saħaq kif il-gżejjer fl-Unjoni Ewropea jħabbtu wiċċhom ma' sfidi oltre minn dawk li diġà qed jiffaċċjaw reġjuni li jinsabu fil-kontinent Ewropew, ewlenin fosthom dawk tal-insularità, l-ivvjaġġar, infrastruttura adegwata, fost sfidi oħra komuni f'dawn ir-reġjuni. “Hu għalhekk neċessarju li l-MFF ikun strument flessibbli u mhux wieħed riġidu, biex dawn l-isfidi jinbidlu f'opportunitajiet varji, fejn ikunu strumentali biex jixprunaw it-tibdil meħtieġ," sostna l-Ministru Camilleri.
Il-Ministru qal li permezz ta' dan il-pakkett hu neċessarju li tingħata importanza lit-tisħiħ tal-konnettività, kemm dik bil-baħar kif ukoll bl-ajru, biex ir-reġjuni gżejjer ikomplu jipprogressaw u ma jaqtgħux lura meta kkumparati ma' reġjuni oħra li jinsabu fil-qalba Ewropea. “Din hi l-proposta tagħna f'dan ir-rigward. Irridu niżguraw u nkomplu nressqu t-talbiet tagħna lkoll flimkien biex b'vuċi waħda nelenkaw dawn l-isfidi u jiġu indirizzati," stqarr Clint Camilleri.
Camilleri tenna li l-MFF il-ġdid għandu jagħti aktar attenzjoni lill-kompetittività tar-reġjuni gżejjer, billi t-tkabbir sostenibbli tagħhom isaħħaħ il-kompetittività Ewropea. Huwa appella wkoll għal iktar rikonoxximent tal-portijiet u t-trasport marittimu bħala mezzi vitali għall-konnettività u l-inklużjoni soċjali.
Il-Ministru talab li l-gżejjer jibbenefikaw b'mod ġust mill-fondi Ewropej bħall-Connecting Europe Facility u l-Competitiveness Fund, b'prijoritajiet għall-aġġornament tal-portijiet u l-ajruporti, it-tisħiħ tal-konnettività diġitali u l-mobilità sostenibbli u servizzi tal-vapuri aħjar.
Hu laqa' wkoll iż-żieda fil-programm Erasmus u qal li simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi hija essenzjali biex amministrazzjonijiet iżgħar ikunu jistgħu jaħdmu b'mod effiċjenti. Il-Ministru Camilleri sostna fuq il-ħtieġa li l-UE tagħmel “island-proofing" tal-politiki tagħha, biex id-daqs jew il-lokalità ma jeskludux lill-gżejjer minn inizjattivi Ewropej.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li Malta u Għawdex se jibqgħu impenjati bis-sħiħ fid-djalogu Ewropew, filwaqt li appella għal aktar għarfien dwar l-isfidi speċifiċi tal-gżejjer.