L-uffiċjali tal-LESA ser ikollhom sistema ta' body-worn cameras favur servizz aqwa liċ-ċittadini u kundizzjonijiet aqwa għall-uffiċjali. Li tfisser aktar protezzjoni għall-ħaddiema u għas-soċjetà.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri li sostna kif l-ordni pubblika mhijiex lussu, hija neċessità. Is-sigurtà u l-ġustizzja huma drittijiet bażiċi f'soċjetà moderna u li huwa għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li jiġu introdotti l-body-worn cameras għall-uffiċjali tal-LESA.
Deċiżjoni li ttieħdet ukoll abbażi tar-riżultati hekk kif meta l-Korp tal-Pulizija introduċa l-body-worn cameras ftit snin ilu, dawn fissru protezzjoni akbar għaċ-ċittadini u għall-uffiċjali.
“Il-body-worn cameras fissru inqas vjolenza fil-konfront tal-uffiċjali tal-Korp u inqas allegazzjonijiet li mbagħad jirriżultaw fiergħa, fil-fatt il-vjolenza fil-konfront tal-uffiċjali tal-Korp naqset bi kważi bin-nofs. Din mhux kwistjoni biss ta' ċifri, imma tirrappreżenta bidla fil-mentalità. Ċittadin ikun inqas aggressiv meta jkun jaf li qed jiġi rrekordjat, u l-uffiċjali jaġixxu b'aktar professjonalità meta jkunu konxji li l-azzjonijiet tagħhom huma wkoll dokumentati. Għalhekk, din ir-riforma qed tiġi estiża għall-uffiċjali tal-LESA, il-persuni li niltaqgħu magħhom ta' kuljum fit-toroq u fil-komunitajiet tagħna."
Dawn il-kameras jirreġistraw ukoll żewġ minuti ta' filmat qabel l-attivazzjoni, biex dejjem ikun hemm kuntest sħiħ u trasparenza sħiħa u ser jibdew jintużaw mit-Tlieta 21 ta' Ottubru.
“Sfortunatament, ħafna drabi nisimgħu stejjer dwar ċittadini li jingħad li ġew trattati b'mod inġust. Fl-istess ħin, hawn ukoll uffiċjali li jkunu akkużati b'mod falz waqt li jagħmlu xogħolhom. Mingħajr provi, il-verità tispiċċa ssir opinjoni. Il-bodycams għalhekk jeliminaw id-dubji, jindirizzaw l-abbuż u jipproteġu l-integrità," temm jgħid il-Ministru Byron Camilleri.
Il-body-worn cameras ser ikunu kkumplimentati wkoll b'aktar investiment fl-uffiċjali tal-LESA, li se jibbenefikaw ukoll minn:
- Uniformijiet ġodda b'aktar sigurtà u kumdità
- Investiment f'muturi ġodda biex jitjieb ir-rispons fit-traffiku
- Aktar taħriġ u żvilupp professjonali
- Titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol
Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlick Flores spjega, “Dan kollu hu parti minn strateġija usa' biex nagħtu lill-uffiċjali tagħna l-għodod it-tajbin għax-xogħol tagħhom – għodod moderni li jtejbu l-ħin ta' rispons u l-preżenza fit-toroq."