Pass storiku lejn ekonomija iktar ġusta u sostenibbli
Illum, il-Ministru għall-Agrikultura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, fetħu uffiċjalment l-ewwel Food Coop komunitarju f'Malta. Preżenti wkoll għal dan il-ftuħ kien hemm Brian Vella, Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, u Daniel Schembri, Kap Eżekuttiv ta' Koperattivi Malta.
Dan l-avveniment storiku jimmarka mument importanti mhux biss għall-komunità lokali iżda għall-pajjiż kollu, billi jagħti bidu għal mudell ekonomiku bbażat fuq il-kooperazzjoni, is-sostenibbiltà u s-solidarjetà.
Il-Food Coop huwa frott ta' ħolma li saret realtà grazzi għall-viżjoni u x-xogħol ta' ħafna individwi li emmnu fil-qawwa tal-kooperazzjoni. Dan il-proġett mhux biss joffri spazju fejn wieħed jista' jixtri l-ikel ta' kuljum, iżda jissimbolizza bidla fil-mod kif is-soċjetà tħares lejn il-konsum, il-prodott lokali u l-benesseri ambjentali.
F'dan il-ħanut wieħed isib firxa wiesgħa ta' prodotti kollha magħmula lokalment fil-gżejjer Maltin u Għawdxin, minn frott u ħaxix, sal-prodotti tal-ħalib, laħam u oħrajn. Il-prodotti kollha huma ta' kwalità għolja, magħżula b'attenzjoni sabiex jappoġġaw lill-bdiewa, raħħala, produtturi u l-intrapriżi żgħar Maltin.
Il-proġett jiffoka wkoll fuq it-tisħiħ tal-ekonomija lokali, billi jqassar il-katina tal-provvista u jassigura li kull investiment f'dan il-post jibqa' jgħin lill-familji, lill-produtturi u lill-ambjent. Dan kollu jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet u għal ekonomija aktar sostenibbli u ġusta.
Dak li jagħmel il-Food Coop tassew uniku huwa l-fatt li huwa ta' kulħadd. Il-Coop huwa proprjetà tal-membri tiegħu u għalhekk kull min jgħix f'Malta jew f'Għawdex jista' jsir membru, jissieħeb fit-tmexxija, u jiddeċiedi dwar id-direzzjoni tiegħu. Permezz ta' proċessi demokratiċi interni, kull membru jista' joffri l-kontribut tiegħu fil-laqgħat ġenerali u fl-amministrazzjoni tal-ħanut.
Dan ifisser li l-għan ewlieni tal-proġett mhuwiex il-profitt, iżda li jagħti aċċess għal ikel bnin, lokali u prezz ġust għal kulħadd, filwaqt li jsaħħaħ is-sens ta' komunità u r-rispett lejn ix-xogħol ta' dawk li jipproduċu l-ikel li jżomm lill-pajjiż miexi 'l quddiem.
Il-Ministru Anton Refalo qal li dan il-proġett jirrifletti l-viżjoni tal-Gvern biex iressaq il-konsumatur iktar viċin tal-katina tal-ikel filwaqt li jħaddan il-prinċipji tal-istrateġija Ewropea Farm to Fork. Huwa żied jgħid, “Il-Food Coop hu eżempju konkret ta' kif nistgħu nibnu sistema tal-ikel li tkun iktar sostenibbli u li tagħti ġieħ lill-produttur lokali. Dan il-proġett iħalli impatt dirett fuq il-bdiewa, raħħala, produtturi u l-konsumaturi billi joħloq rabta diretta bejniethom, u juri x'jista' jintlaħaq meta l-komunità taħdem flimkien għal għan komuni."
Il-Ministru Silvio Schembri qal, “Il-koperattivi huma mudell ekonomiku li ilu magħna għal ħafna snin, iżda huwa mudell ekonomiku mill-aktar reżiljenti. B'dan il-ħanut qed naraw mudell ta' ekonomija ġusta fejn kull ewro minfuqa terġa' tmur lura għand min ipprovda l-prodott. Nawgura li dan l-ewwel ħanut ikun wieħed minn bosta."
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, qal li dan huwa pass ieħor li se jsarraf f'aktar opportunitajiet sabiex il-prodotti tal-bdiewa, ir-raħħala u l-produtturi Maltin u Għawdxin ikomplu jaslu għand il-konsumatur.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Koperattivi Malta, Daniel Schembri, sostna li dan huwa mument storiku għall-komunità lokali li se tgawdi minn aċċess għal ikel Malti bi prezzijiet vantaġġużi. Kompla billi qal li din tista' tkun fost l-akbar koperattivi f'Malta għaliex kull adult jista' jsir membru u benefiċjarju tagħha.
Fl-aħħar nett, l-organizzaturi rringrazzjaw lill-membri fundaturi, lil Koperattivi Malta, lill-produtturi lokali, lill-voluntiera u lil dawk kollha li emmnu fil-proġett u taw sehemhom biex din il-ħolma ssir realtà.
Il-Food Coop komunitarju mistenni jsir mudell ta' kif is-soċjetà Maltija tista' tħaddan ekonomija iktar ġusta, sostenibbli u mibnija fuq il-kooperazzjoni bejn in-nies.