gov.mt

PR251976

PR251976

07/11/2025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI Ħruġ Ġdid ta’ Stock tal-Gvern ta’ Malta b’Rata ta’ Mgħax Fissa – Novembru 2025

L-Accountant General qiegħed iħabbar il-ħruġ ta' Stock tal-Gvern ta' Malta ta' tliet mija u ħamsin miljun Ewro (€350,000,000) f'xi wieħed jew f'kull wieħed minn dawn it-tliet stocks imsemmija aktar 'l isfel:

  1. 2.55% Stock tal-Gvern ta' Malta 2030 (V);

  1. 3.40% Stock tal-Gvern ta' Malta 2035 (IV) Fungibility Issue (F.I.); u

  1. 3.80% Stock tal-Gvern ta' Malta 2040 (II) Fungibility Issue (F.I.).

Is-somma li għandha tinġabar tista' tiżdied b'ammont addizzjonali sa massimu ta' €100,000,000 oħra f'każ li d-domanda tkun aktar mill-ammont offrut.

Membri tal-pubbliku li huma interessati li jinvestu, jistgħu japplikaw għall-ammont sa massimu ta' erba' mija disgħa u disgħin elf u disa' mitt Ewro (€499,900) kull persuna f'xi wieħed jew f'kull wieħed mit-tliet stocks. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru minn persuna waħda jew flimkien ma' persuna jew persuni oħra.  L-applikazzjonijiet għall-membri tal-pubbliku jintlaqgħu minn nhar it-Tnejn, is-17 ta' Novembru 2025 fit-8.30 a.m. u jagħlqu fis-2.30 p.m. tal-Erbgħa, id-19 ta' Novembru 2025 jew aktar kmieni, fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.

Applikazzjonijiet mingħand investituri wholesale magħmulin f'offerti b'irkant jiftħu il-Ġimgħa, l-21 ta' Novembru 2025 fit-8.30 a.m. u jagħlqu  12.00 pm (f'nofsinhar) (CET) tal-istess ġurnata, jew aktar kmieni fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.

L-Accountant General ser ikun qed iħabbar il-prezz ta' kull stock li qegħdin jiġu offruti għas-sottoskrizzjoni lill-membri tal-pubbliku nhar il-Ħamis, it-13 ta' Novembru 2025.  Dawn il-prezzijiet ser jiġu ppubblikati permezz ta' stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI).

Ir-riżultat tal-allokazzjoni ta' kull stock li jiġi allokat lill-applikanti li l-applikazzjoni tagħhom kienet magħmula f'offerti bi rkant, jiġi mgħarraf sagħtejn wara l-ħin tal-għeluq tal-irkant.

Il-formoli tal-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu minn u jiġu ddepożitati għand il-membri kollha tal-Borża ta' Malta u fornituri oħra awtorizzati ta' servizzi ta' investiment. Formoli tal-applikazzjonijiet jistgħu jitniżżlu wkoll minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor (https://treasury.gov.mt/formoli-tapplikazzjoni/) minn nhar il-Ġimgħa, l-14 ta' Novembru 2025.​

Aktar tagħrif dwar dawn l-istocks jinsab fiċ-Ċirkolari tal-Offerta li tista' titniżżel minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor minn nhar il-Ġimgħa, is-7 ta' Novembru 2025.