Dalgħodu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri laqqa' fi Trident Park numru ta' kapijiet eżekuttivi li jirrappreżentaw diversi kumpaniji fl-oqsma tal-gaming, video game development u esports, fejn tkellmu dwar il-pjanijiet tagħhom f'pajjiżna u dwar il-futur ta' din l-industrija. Hawnhekk ġew imħabbra tmien investimenti li qegħdin jagħmlu f'pajjiżna. Bejniethom ħabbru investiment totali ta' €60 miljun u ħolqien ta' 1,300 impjieg ġdid b'paga għolja sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Silvio Schembri fetaħ il-laqgħa billi saħaq li l-futur tal-industrija huwa eċitanti, hekk kif it-teknoloġija qed tkompli tevolvi kuljum. Huwa tenna li Malta qed tkompli tissaħħaħ f'dan is-settur dinamiku, li globalment qed jinbidel b'pass mgħaġġel.
Fil-qasam tal-eSports, il-Kap Eżekuttiv ta' Imperial, waħda mill-akbar kumpaniji Brażiljani, ħabbar li għażel lil Malta biex tiftaħ l-uffiċċju prinċipali tagħha f'Diċembru li ġej. BLAST TV ħabbret li fl-2025 qed tippjana li tilħaq 3.2 biljun segwaċi, u bħalissa tinsab fil-proċess li tirreġistra l-entità tagħha f'pajjiżna sabiex tkompli topera u torganizza l-avvenimenti tagħha minn hawn stess. Dan jifforma parti minn investiment ta' €10 miljun mifrux fuq tliet snin.
Fil-qasam tal-Video Game Development, Unity se tkompli tinvesti fl-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ Maltin f'dan is-settur, sabiex ikunu f'pożizzjoni li jibbenefikaw minn dawn il-karrieri ta' kwalità li qed jinħolqu f'din in-niċċa ekonomika ġdida.
Fil-qasam tad-Digital Marketing, il-kumpanija Clever ħabbret li fil-jiem li ġejjin se tiftaħ l-uffiċini tagħha fil-Gżira b'investiment ta' €6 miljun, kif ukoll investiet €1.5 miljun oħra f'kumpanija tal-video gaming, NARC. Gentoo Media wettqu investiment ta' €1.2 miljun f'faċilitajiet ġodda – investiment li se jara wkoll żieda fl-impjiegi minn 70 għal 130.
Fis-settur tal-iGaming, Soft2Bet investiet €20 miljun fuq perjodu ta' erba' snin, fejn fetħet l-uffiċini tagħha fl-Imrieħel bil-għan li tħarreġ aktar ħaddiema lokali interessati fis-settur. Sal-aħħar tas-sena, kumpanija oħra, Religa, mistennija tespandi l-forza tal-ħaddiema tagħha minn 200 għal 700. Huma ħabbru investiment totali ta' madwar €21 miljun. Il-kumpanija Eeze ħabbret investiment sostanzjali ieħor ta' €30 miljun f'investimenti li jinkludu uffiċċji, taħriġ u apparat teknoloġiku. Eeze ħabbret ukoll li se żżid in-numru ta' impjegati tagħha minn 500 għal 1,200 sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Silvio Schembri saħaq li llum qed naraw mhux biss oqsma ekonomiċi ġodda bħall-Video Game Development, iżda wkoll investimenti kbar li jħarsu 'l quddiem.
Il-Ministru Schembri appella wkoll lil kumpaniji tal-gaming f'pajjiżna biex hekk kif jinvestu fit-timijiet sportivi barra minn Malta jagħmlu l-istess mat-timijiet sportivi Maltin biex jassistu l-iżvilupp tal-isportivi f'pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Gaming Malta, Ivan Filletti qal, “L-iGaming Council jipprovdi forum essenzjali għall-operaturi ewlenin fis-settur biex jesploraw u jiddiskutu b'mod miftuħ opportunitajiet ġuriżdizzjonali u inizjattivi relatati mal-ekosistema. Il-laqgħa tal-lum rat it-tnedija ta' investimenti kbar — li jvarjaw minn organizzazzjonijiet ġodda fl-esports u estensjonijiet ta' uffiċċji, sa operazzjonijiet imtejba u inizjattivi għat-tkabbir tat-talent. Dawn il-miri flimkien jixhdu ekosistema b'saħħitha u b'viżjoni fit-tul, li hija kompletament allinjata mal-Viżjoni Malta 2050."