Id-Dipartiment tat-Teżor iħabbar ir-riżultati proviżorji tal-ħruġ tal-istock tal-Gvern ta' Malta ta' Novembru 2025. It-Teżor irċieva s-somma nominali ta' madwar €542.5 miljun mill-investituri mhux professjonali u l-investituri wholesale flimkien, waqt li l-ammont tal-ħruġ kien ta' €350 miljun soġġett li s-somma tiżdied b'ammont addizzjonali sa massimu ta' €100 miljun.
B'konformita` ma' Artikolu 9 taċ-Ċirkolari tal-Offerta ppubblikata fis-7 ta' Novembru 2025, it-Teżor ser jeżerċita d-dritt li jżid is-somma awtorizzata tal-ħruġ b'ammont addizzjonali sa massimu ta' €100 miljun oħra.
Sottoskrizzjonijiet minn Investituri Mhux Professjonali (Retail)
Sad-data tal-għeluq, fis-2.30p.m. tal-Erbgħa, d-19 ta' Novembru 2025, il-valur nominali tal-applikazzjonijiet kollha magħmula minn investituri mhux professjonali (retail) fit-tliet stocks kien ta' madwar €103 miljun. Dawn l-applikazzjonijiet magħmula taħt il-parti mhux kompetittiva tal-ħruġ, bi prezz fiss għal kull stock imħabbar qabel il-ftuħ tal-applikazzjonijiet, intlaqgħu kollha.
Id-dettalji tal-allokazzjoni f'kull stock se jiġu ppublikati permezz ta' Stqarrija għall-Istampa u jittellgħu fuq is-sit elettroniku tat-Teżor wara t-tlestija tal-proċess ta' verifika tal-applikazzjonijiet mat-termini tal-Prospett Ġenerali u ċ-Ċirkolari tal-Offerta.
Sottoskrizzjonijiet minn Investituri Wholesale (Irkant Kompetittiv)
Sad-data tal-għeluq, f'nofsinhar tal-Ġimgħa l-21 ta' Novembru 2025, it-Teżor irċieva 71 offerta minn investituri wholesale fit-tliet stocks b'valur nominali flimkien ta' €439.5 miljun li ġew allokati kif ġej:
| | Offerti sottomessi fl-Irkant | | Allokazzjoni | |
| Deskrizzjoni tal-istock | Nr. | Ammont Nominali (€) | Nr. | Ammont Nominali (€) |
| 2.55% Stock tal-Gvern ta' Malta 2030 (V) | 30 | 157,500,000 | 23 | 106,000,000 |
| | | | | |
| 3.40% Stock tal-Gvern ta' Malta 2035 (IV) F.I. | 31 | 180,500,000 | 26 | 130,500,000 |
| | | | | |
| 3.80% Stock tal-Gvern ta' Malta 2040 (II) F.I. | 10 | 101,500,000 | 8 | 86,500,000
|
| Total | 71 | 439,500,000 | 57 | 323,000,000
|
Aktar tagħrif u informazzjoni jinsabu fir-Riżultati tal-Ħruġ tal-istock li ġew ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor https://treasury.gov.mt/stock-tal-gvern-ta-malta/.