Wara li ġie inawgurat il-ħames Ċentru tal-Volontarjat tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) f'binja f'Raħal il-Ġdid aktar kmieni din is-sena, issa nfetħet magħha wkoll estensjoni ta' sular ieħor. Din ser tkun qiegħda żżid l-ispazju u sapport b'faċilitajiet għall-għaqdiet volontarji tan-nofsinhar ta' Malta. Ix-xogħlijiet estensivi ta' mmodernizzar ta' dan iċ-ċentru saru b'investiment ta' €120,000.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia inawgurat din l-estensjoni tal-binja, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo.
Dan is-sular taċ-ċentru, iddedikat lil Jake Vella, issa ser ikun fih il-possibbiltà li membri mill-istess għaqdiet joperaw minn hemm għal ħinijiet partikolari bħala hot desking. Fis-sular żdiedu wkoll faċilitajiet oħra, bħal kitchenette u faċilitajiet sanitarji.
Waqt żjara fil-post, il-Ministru Julia Farrugia qalet kif fil-ġimgħat li ilu miftuħ dan iċ-ċentru diġà kellu 71 bookings mill-għaqdiet volontarji. “Illum mhux qed ninawguraw biss sular ġdid, iżda qed inkomplu nsaħħu l-fibra soċjali tas-soċjetà tagħna. Il-volontarjat f'Malta ilu għal snin sħaħ iservi bħala mutur vibranti li jmexxi l-komunitajiet 'il quddiem, u l-Gvern għandu l-obbligu li joħloq l-ispazju u r-riżorsi meħtieġa biex l-għaqdiet volontarji jkunu jistgħu joperaw b'dinjità u b'effettività."
“Dan l-investiment mhuwiex biss għas-sular ta' bini; huwa investiment fil-futur tas-settur, fil-ħolqien ta' strutturi serji, professjonali u sostenibbli li jagħtu aktar saħħa lill-għaqdiet żgħar li spiss iġorru piż kbir. Il-messaġġ tagħna huwa wieħed ċar: soċjetà progressiva ma tħallix il-volontarjat waħdu, iżda tqiegħdu fil-qalba tal-politika pubblika, għax fejn hemm għaqdiet volontarji b'saħħithom hemm komunitajiet b'saħħithom," temmet tgħid il-Ministru Farrugia.
Wara l-Belt Valletta, ir-Rabat, Birkirkara u x-Xewkija f'Għawdex, dan ta' Raħal Ġdid huwa ta' servizz għall-għaqdiet, partikolarment dawk żgħar u medji li jiddependu minn din it-tip ta' faċilità għall-operat tagħhom. B'dan l-investiment, l-għaqdiet volontarji rreġistrati bħala VOs ser ikunu jistgħu jiġu moqdija aħjar b'aktar b'faċilitajiet u riżorsi, u jużaw dan l-ispazju sabiex jiltaqgħu u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom.
L-għaqdiet li jixtiequ jibbukkjaw iċ-Ċentru għall-Volontarjat Jake Vella, kemm isfel u anki issa s-sular ta' fuq, għandhom jużaw is-sistema ta' booking li hemm fuq maltacvs.org, li diġà indrat sew mill-għaqdiet għaċ-ċentri l-oħra. Hemmhekk wieħed isib spjegazzjoni ta' kif isiru l-bookings u jista' jara wkoll, f'ħin reali, id-dati u l-ħinijiet li fihom il-kmamar taċ-ċentru huma disponibbli.
Gertrude Buttigieg, Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, qalet li, “It-tieni fażi ta' dan iċ-ċentru f'Raħal Ġdid hija li nkomplu noffru spazju komdu, modern u aċċessibbli għall-għaqdiet. Dan hu mezz pożittiv kif jintużaw ir-riżorsi tal-pajjiż. Iċ-ċentru jakkomoda lis-setturi kollha, speċjalment dawk li m'għandhomx post fejn jiltaqgħu, jew post fejn ilaqqgħu il-membri, jew attivitajiet miftuħa għal għaqdiet oħra u l-pubbliku."
Mauro Pace Parascandalo, qal li b'dan iċ-ċentru diġà bdew jilħqu numru ta' għaqdiet speċjalment fin-naħa t'isfel ta' Malta, u b'sular ieħor ser iżidu l-flessibilità u s-servizzi għall-għaqdiet li kienu jsibuha diffiċli jsibu spazju viċin fejn joperaw. “B'hekk inkomplu nsaħħu l-infrastruttura mal-pajjiż permezz ta' ċentri mxerrdin mal-Gżejjer Maltin, speċjalment għal għaqdiet żgħar u medji li ħafna drabi jkollhom żvantaġġ bħal nuqqas ta' binja minn fejn jagħmlu x-xogħol tagħhom."