Il-Ministru Attard jindirizza seminar dwar il-vuċi tat-tfal fil-proċeduri ġudizzjarji
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza s-seminar “Child – Friendly Justice: Giving A Voice to the Child in Family Court Proceedings”, organizzat mill-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà.
Il-Ministru Attard tenna l-impenn tal-Gvern għal sistema ta’ ġustizzja tal-familja li tisma’, tifhem u tħares l-aħjar interess tat-tfal. Il-Ministru rrikonoxxa l-ħidma tal-Fondazzjoni u ddeskriviha bħala “trusted partner” li taqsam il-viżjoni li t-tfal jingħataw vuċi reali fil-proċeduri tal-Qorti tal-Familja.
Il-Ministru rrefera għar-riċerka ppreżentata u qal li din ma kinitx sempliċi eżerċizzju akkademiku, iżda sejħa b’saħħitha għall-azzjoni. Qal li l-istudju juri b’mod ċar li l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-proċeduri tal-familja ħafna drabi tibqa’ waħda simbolika hekk kif ħafna tfal iħossuhom mhux jinstemgħu biżżejjed u saħansitra jsibu ruħhom fi proċessi li ma jipproteġuhomx.
Dr Attard qal li dan l-istudju ma jieqafx biss fl-identifikar tal-isfidi, imma jressaq rakkomandazzjonijiet prattiċi li jistgħu jittrasformaw is-sistema tal-ġustizzja tal-familja tagħna. F’dan il-kuntest qal li r-Riforma tal-Qorti tal-Familja, li dalwaqt se titressaq quddiem il-Kabinett, tirrifletti dawn il-prinċipji u rakkomandazzjonijiet.
Ir-riforma se tpoġġi lit-tfal fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni, filwaqt li tissaħħaħ ir-rwol tal-Avukat tat-Tfal bħala guardian ad litem. Se jitwaqqaf Uffiċċju ta’ Appoġġ fi ħdan l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti biex jipprovdi sostenn psikoloġiku u emozzjonali matul il-proċess. Din ir-riforma se tkun marbuta mal-istandards internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Maqgħuda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u se tintroduċi medjazzjoni b’limiti ta’ żmien, dokumentazzjoni aktar strutturata u mekkaniżmi aktar b’saħħithom għall-infurzar tal-manteniment u l-kustodja. Barra minn hekk, se tirrikjedi taħriġ speċjalizzat għall-professjonisti kollha involuti sabiex tiġi żgurata sistema aktar effettiva u child-friendly.
“Iżda fuq kollox din il-liġi hija waħda li trid tibqa’ tevolvi u ma nistgħux nistennew għexieren ta’ snin oħra biex terġa’ tiġi aġġornata”, sostna l-Ministru Attard filwaqt li appella għal kultura ta’ riforma kontinwa u politika bbażata fuq evidenza.
Il-Ministru faħħar il-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà u qal li din is-sħubija għandha tkompli tissaħħaħ. Fakkar ukoll fil-konferenza Ewropea li ospitat Malta fuq l-aħjar interess tat-tfal, li wriet li l-viżjoni tal-pajjiż tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.
“Wara kull liġi hemm tifel jew tifla li jixirqilhom protezzjoni u rispett”, temm il-Ministru Attard filwaqt li esprima l-fiduċja li r-riformi li ġejjin se jġibu sistema aktar child-friendly fejn it-tfal ikunu parteċipanti attivi fil-proċess u mhux suġġetti passivi.
Il-fundatriċi tal-fondazzjoni l-Eċċellenza tagħha Marie Louise Coleiro Preca fetħet is-seminar filwaqt li Dr Bernadine Satariano tat spjegazzjoni tal-istudju preżentat.
Fid-diskussjoni li żvolġiet ipparteċipaw professjonisti legali u ġudizzjarji li jinkludu lill-Imħallef Anthony J Vella, Dr Mary Muscat u Dr Fleur Abela u l-professjonisti psikoloġiċi li jinkludu lil Veronica Ellul Federici u Remenda Grech.