gov.mt

PR260205

PR260205

06/02/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imħabbra l-ewwel żewġ skemi għall-2026 għas-settur tal-volontarjat – l-NGO Co-Financing Fund u t-Training Initiatives Scheme

Tħabbru l-ewwel żewġ skemi għal din is-sena mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Dawn huma l-NGO Co-Financing Fund (NCF), li tipprovdi lill-għaqdiet volontarji l-persentaġġ ta' kofinanzjament li l-fondi Ewropej ma jkoprux, u t-Training Initiatives Scheme (TIS), li hija skema li toffri sapport finanzjarju għal taħriġ lill-għaqdiet volontarji, lill-membri tagħhom u voluntiera.​​

It-tnedija tal-iskemi saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia għand is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina VM ż-Żurrieq li permezz tal-NGO Co-Financing Fund installat sistemi ta' sigurtà kontra s-serq, in-nar u sistema moderna ta' CCTV sabiex tipproteġi l-istrumenti, faċilitajiet, dokumenti storiċi u l-bini tal-għaqda nnifisha.

L-NGO Co-Financing Fund tgħin għaqdiet volontarji fil-kofinanzjament ta' proġetti ffinanzjati minn Fondi Ewropej. L-allokazzjoni għal din is-sena hija ta' €300,000, wara li s-sena li għaddiet ġew irduppjati l-fondi minn €150,000.

Dan il-fond m'huwiex flok Fondi Ewropej iżda jikkumplimentahom, inkluż dawk tal-Unjoni Ewropea, EEA Grants, Norway Grants, Ftehimiet Bilaterali u fondi tal-Kunsill tal-Ewropa. F'għaxar snin inkluż din is-sena, minn meta twaqqfet din l-iskema, ġew allokati għaliha €1.8 miljun.

L-applikazzjonijiet għall-iskema NCF ta' din is-sena se jiftħu fis-sit elettroniku vofunding.org.mt mill-Erbgħa 25 ta' Frar 2026 f'nofsinhar u se jieħdu l-fondi dawk eliġibbli li japplikaw l-ewwel. L-iskema tagħlaq hekk kif il-fondi kollha jiġu eżawriti. Ser isiru wkoll laqgħat ta' informazzjoni sabiex ikunu ta' gwida għall-għaqdiet matul il-proċess tal-applikazzjoni.

Waqt it-tnedija l-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “dawn l-iskemi huma prova ċara tal-impenn tal-Gvern biex ikompli jinvesti bis-serjetà fis-settur tal-volontarjat. Permezz tal-NGO Co-Financing Fund u t-Training Initiatives Scheme, qed nassiguraw li l-għaqdiet volontarji jkollhom l-għodod finanzjarji u t-taħriġ meħtieġa biex jissaħħu, jikbru u jkomplu jagħtu servizz ta' kwalità lill-komunitajiet tagħna. Il-fondi pubbliċi qed jintużaw b'mod strateġiku biex ninvestu fin-nies li jagħmlu differenza reali fis-soċjetà Maltija."

Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal li “l-2026 ser tkun sena oħra ta' ħafna xogħol fis-settur, u bi pjaċir qed invaraw l-ewwel skemi għall-għaqdiet, li issa saru popolari ferm fil-konkorrenza tagħhom".

Intant, it-Training Initiatives Scheme tgħin għaqdiet volontarji u membri ta' għaqdiet volontarji jiksbu sapport finanzjarju għat-taħriġ tagħhom. Għal din l-iskema hemm allokati €40,000. Minn meta twaqqfet din l-iskema fl-2018, ġew allokati madwar €350,000 f'fondi għaliha.

L-iskema fiha żewġ programmi separati, wieħed għall-individwi membri ta' għaqdiet volontarji sabiex jattendu taħriġ, u l-ieħor fuq livell organizzattiv għall-għaqdiet. It-taħriġ jista' jkun kemm lokali jew anki barra minn Malta fil-każ ta' individwi, filwaqt li l-attendenza tista' tkun kemm fiżika jew anki online. Is-suġġett tat-taħriġ għandu jkun jew relatat speċifikament max-xogħol tal-għaqda volontarja jew inkella fuq il-volontarjat b'mod ġenerali.

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jiftħu fis-sit elettroniku vofunding.org.mt mill-Erbgħa 11 ta' Frar 2026 f'nofsinhar sal-Ħamis 12 ta' Marzu 2026 f'nofsinhar. Ser isiru wkoll laqgħat ta' informazzjoni sabiex ikunu ta' gwida għall-għaqdiet matul il-proċess tal-applikazzjoni.

L-għaqdiet li japplikaw għall-fondi jeħtieġ li jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.