gov.mt

pr260264

PR260264

18/02/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Jitħabbar il-Proġett ta’ Dredging f’Marsaxlokk

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, ħabbru l-bidu ta’ xogħlijiet ta’ Dredging f’Marsaxlokk bil-għan li jissaħħu s-sigurtà u l-aċċess tal-port.

Marsaxlokk huwa l-akbar raħal tradizzjonali tas-sajd f’Malta u għandu rwol kruċjali f’dan is-settur. Matul is-snin, l-akkumulazzjoni ta’ ġebel fil-fairway tal-port ħolqu diffikultajiet għad-dħul u l-ħruġ tal-bastimenti tas-sajd. Dawn ix-xogħlijiet se jtejbu l-aċċess kemm għal bastimenti żgħar kif ukoll dawk ikbar sabiex ikollhom dħul u ħruġ mill-port aktar faċli. Dan inaqqas ir-riskju li bastimenti jolqtu l-qiegħ tal-baħar, itejjeb il-manuvrabbiltà, partikolarment waqt maltemp, u jipprovdi kundizzjonijiet aktar siguri għall-irmiġġi.

Il-Ministru Chris Bonett spjega li dan ix-xogħol huwa bżonjuż għas-sajjieda biex ikunu jistgħu jaċċessaw il-port bid-dgħajjes tagħhom b'mod sigur. “Għal diversi snin, is-sajjieda kellhom jaffaċjaw ħsarat minħabba materjal li nġabar f'qiegħ il-baħar u li beda jikkawża ħsarat u jaffettwa d-dgħajjes tagħhom. Permezz tat-tħammil li ser nagħmlu f'qiegħ il-baħar, se nnaddfu din il-fairway tant importanti għal dan is-settur," spjega il-Ministru Bonett. 

Il-Ministru kompla jispjega li r-ramel li ser jinġabar minn qiegħ il-baħar ser jintuża f'żona oħra ġewwa Marsaxlokk biex titkabbar il-bajja ta' Għar Aħmar, biex dan ix-xogħol mhux biss isir b'mod sostenibbli imma jħalli anke impatt pożittiv fuq ix-Xlukkajri f’żona oħra popolari ta’ Marsaxlokk. “Dan il-proġett qed nagħmluh wara diskussjoni mas-sajjieda fejn fhimna l-isfidi tagħhom u b'hekk qed nieħdu azzjoni biex intejbu l-operat tagħhom,” temm jgħid il-Ministru Bonett.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said enfasizzat li dan il-proġett huwa frott ta’ konsultazzjoni u koordinazzjoni estensiva mas-sajjieda u mal-awtoritajiet konċernati. “Dan il-proġett huwa investiment importanti fis-settur tas-sajd u għas-sajjieda tagħna li jużaw il-Port ta’ Marsaxlokk. Smajna t-tħassib tagħhom wara li kienu ukoll qed iġarrbu ħsarat, speċjalment dwar is-sigurtà u r-rilokazzjoni temporanja waqt ix-xogħlijiet, u assigurajna li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex l-operat tagħhom ma jieqafx u jkunu jistgħu ikomplu ħidmiethom mingħajr xkiel.”

Minbarra li se jitjieb l-aċċess, ix-xogħlijiet se jgħinu biex titnaqqas il-ħsara kkawżata minn fuq il-ħbula, il-ktajjen u l-apparat tas-sajd, u finalment dan iwassal għal nuqqas fl-ispejjeż ta’ manutenzjoni għas-sajjieda. Dan se jiffaċilita wkoll operat aktar bla xkiel ta’ kuljum, inkluż il-loġistika relatata mal-bejgħ tal-ħut, speċjalment għas-suq tal-Ħadd, ir-ristoranti lokali u l-esportazzjoni.

Dan il-proġett juri l-impenn kontinwu tal-Gvern biex jinvesti f’infrastruttura essenzjali, isaħħaħ il-kollaborazzjoni mas-sajjieda, u jiżgura futur aktar sigur u sostenibbli għall-komunità tas-sajd f’Marsaxlokk.

​​