gov.mt

PR260363

PR260363

05/03/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Se jiġu megħjuna 60 għaqda volontarja wara l-ħsarat li għamlet il-Maltempata Harry

Wara sejħa immedjata għall-għaqdiet volontarji hekk kif seħħ l-episodju tal-Maltempata Harry fil-gżejjer Maltin aktar kmieni din is-sena, kien hemm total ta' 60 organizzazzjoni volontarja li rrapportaw danni. Għal dan qiegħed jiġi allokat total ta' kważi  €330,000.​​

Ħabbret dan il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt żjarat li saru fis-Sliema Aquatic Sports Club u RMJ Horse Rescue – żewġ għaqdiet li ġew milquta drastikament minn dan il-maltemp hekk kif qegħdin mal-kosta fejn l-aktar ħakem il-maltemp, filwaqt li l-maltempata kellha wkoll impatt ħażin fuq l-operat finanzjarju tar-RMJ Horse Rescue.

Il-konsegwenzi tal-Maltempata Harry għall-għaqdiet volontarji kienu varji, minħabba li ħafna minnhom sabu ruħhom f'sitwazzjoni fejn kellhom iwaqqfu jew inaqqsu drastikament l-attivitajiet tagħhom. Għadd ta' organizzazzjonijiet tilfu tagħmir essenzjali, sofrew ħsarat fil-postijiet minn fejn joperaw u kellhom jerġgħu jippjanaw servizzi u inizjattivi li kienu diġà skedati. Dan wassal biex diversi komunitajiet spiċċaw temporanjament mingħajr l-appoġġ regolari li jiddependu fuqu, filwaqt li l-voluntiera kellhom jiffaċċjaw piż addizzjonali biex jerġgħu jqiegħdu lill-għaqdiet tagħhom fuq pedament stabbli.

Il-proċess ta' appoġġ finanzjarju beda b'reġistrazzjoni formali tal-ħsarat min-naħa tal-għaqdiet volontarji, wara sejħa maħruġa mill-MCVS. Din is-sejħa tat l-opportunità lill-għaqdiet kollha li sofrew danni jew tfixkil fl-operat tagħhom minħabba l-Maltempata Harry, kemm f'termini ta' bini, tagħmir, siti ta' proġetti, riżorsi tal-voluntiera jew programmi fil-komunità, biex jiddikjaraw il-ħsarat u jitolbu l-għajnuna meħtieġa.

L-appoġġ finanzjarju qed jingħata skont parametri ċari u trasparenti, bl-għaqdiet li talbu sa €10,000 jirċievu 100% tal-ammont mitlub, dawk li talbu bejn €10,001 u €50,000 jirċievu sa 80%, filwaqt li talbiet li jaqbżu €50,000 jirċievu sa 60% tal-ammont mitlub. F'kull każ, l-għajnuna massima għal kull għaqda hija limitata għal €30,000. Barra minn hekk, l-għaqdiet jistgħu jibbenefikaw minn sors wieħed biss ta' finanzjament pubbliku marbut ma' din il-maltempata, biex jiġi żgurat tqassim ġust u ekwu tar-riżorsi disponibbli.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat li, “Il-Maltempata Harry ma laqtitx biss l-infrastruttura tagħna imma laqtet il-qalb ta' ħafna organizzazzjonijiet volontarji li ta' kuljum jagħtu minn ħinhom u mill-enerġija tagħhom biex jagħmlu differenza fil-ħajja tal-Maltin. Madankollu, dak li rajna f'dawn l-aħħar ġimgħat kien ta' ispirazzjoni kbira, fejn minkejja l-ħsarat, minkejja d-diffikultajiet, dawn l-organizzazzjonijiet ma waqfux. Baqgħu jaqdu, baqgħu preżenti u baqgħu juru li l-volontarjat f'Malta mhuwiex sempliċiment att ta' karità imma huwa stil ta' ħajja, huwa impenn lejn xulxin bħala komunità."

“Bħala Gvern nifhmu l-irwol kruċjali li għandu s-settur tal-volontarjat, u huwa għalhekk li qegħdin nallokaw fondi diretti biex ngħinu lil dawn is-60 organizzazzjoni jerġgħu fuq saqajhom bl-aktar mod effiċjenti u malajr kemm jista' jkun. Dan mhuwiex biss appoġġ finanzjarju imma huwa messaġġ ċar mill-Gvern li aħna nemmnu fikom, napprezzaw ix-xogħol li tagħmlu, u rridu nkunu maġenbkom f'kull pass tal-mixja," temmet tgħid il-Ministru. 

Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal li, “Il-Kunsill jibqa' jisma' dwar il-bżonnijiet tal-għaqdiet, partikolarment meta jsibu rwieħhom f'sitwazzjonijiet bħal din li żgur tirrikjedi sapport ħalli s-settur ma jbatix għal tul ta' żmien bla bżonn."

Biex għaqda volontarja tkun eliġibbli, trid tkun reġistrata u konformi mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.