Jum il-Ħelsien ifakkar il-ġurnata li Malta mmarkat l-għeluq tal-bażi militari Ingliża u kisbet il-ħelsien. Fil-31 ta' Marzu 1979, telqu l-aħħar bastimenti Ingliżi minn pajjiżna u Malta ma baqgħetx tintuża bħala bażi militari Ingliża. Jum il-Ħelsien huwa kapitlu importanti fl-istorja ta' Malta li se jiġi imfakkar b'dawn iċ-ċerimonji ta' hawn taħt.
Is-Sibt 28 ta' Marzu 2026, fil-ħdax ta' filgħodu ser issir parata mill-Banda tal-Forzi Armati ta' Malta fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta. F'din il-wirja, il-Banda tal-Forzi Armati ta' Malta mmexxija mill-Kaptan Twanny Borg, tesegwixxi numru ta' kompożizzjonijiet lokali flimkien ma' numru ta' marċi li matulhom isiru diversi formazzjonijiet mill-istess membri tal-Banda tal-Forzi Armati ta' Malta. Lejn l-aħħar tal-parata, il-banda tesegwixxi 'Lil Malta f'Jum il-Ħelsien' ta' Mikis Theodorakis.
Nhar Jum il-Ħelsien, it-Tlieta 31 ta' Marzu 2026, fid-9.30am, jibda marċ mill-Banda tal-Forzi Armati ta' Malta minn Pjazza Pawlino Vassallo f'Bormla u jgħaddi minn Triq Dom Mintoff għal Triq San Lawrenz il-Birgu, sal-Monument tal-Ħelsien.
Il-Banda tal-Forzi Armati ta' Malta flimkien mal-Gwardja tal-Unur jilqgħu lill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. Iċ-ċerimonja fuq l-għolja tal-Ħelsien tilħaq il-qofol tagħha fl-10.00am fejn mal-wasla tal-Eċċellenza Tagħha, il-President ta' Malta Myriam Spiteri Debono, tingħata s-salut nazzjonali. Wara, l-ogħla awtoritajiet flimkien jitilgħu l-għolja tal-Ħelsien fejn il-Banda tal-Forzi Armati ta' Malta tesegwixxi l-Innu tal-Ħelsien. Wara tindaqq il-fanfarra u jitpoġġew il-fjuri fuq l-istess monument. Iċ-ċerimonja tiġi fi tmiemha bid-daqq tal-innu nazzjonali.
Waranofsinhar issir ir-Regatta Tradizzjonali fil-Port il-Kbir.