• Ftehim bejn l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis u l-Malta Football Association sabiex tfal minn familji b’diffikultajiet soċjali u finanzjarji jkunu megħjuna biex jibdew jattendu nurseries tal-futbol f’diversi lokalitajiet
Mal-160 tifel u tifla ser ikunu jistgħu jibbenefikaw mil-ftehim iffirmat mill-ARUC u l-MFA li ser jagħmlu tajjeb għall-ispiża sa 250 ewro kull persuna biex jipprattikaw l-isport favorit tagħhom.
L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis ser tagħmel tajjeb għal 75% ta’ dan il-finanzjament waqt li l-MFA ser toħroġ 25% fil-mija tal-fond allokat għal din l-inizjattiva. L-applikazzjonijiet għal dan il-programm ser ikunu evalwati minn kumitat apposta.
L-iffirmar tal-ftehim sar fin-nursery tal-football f’Tas-Sliema, fejn l-uffiċjali miż-żewġ entitajiet, spjegaw li din l-inizjattiva filwaqt li ser tilħaq tfal bi sfond soċjali diffiċli, ser isostni l-impenn tal-ARUC u tal-MFA li jippromovu l-attività sportiva għal stil ta’ ħajja sana u ’l bogħod mill-vizzji.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ il-missjoni tal-ARUC li tgħaqqad ir-riżorsi tagħha biex twassal dejjem aktar il-messaġġ favur attivitajiet sportivi u soċjali bħala l-aqwa alternattivi li jgħinu biex iż-żgħażagħ ma jmissux ma’ bosta vizzji fosthom id-droga.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet li b’dan il-ftehim, l-ARUC qiegħda tagħti prova oħra tal-missjoni tagħha li tistinka biex preferibbilment jonqos il-konsum tal-kannabis u kemm jista’ jkun bil-kontrolli li tagħmel, tnaqqas kemm tista’ l-ħsara mill-konsum tal-kannabis.
Dr Joey Reno Vella, Kap Eżekuttiv tal-ARUC, qal li huwa ta’ sodisfazzjon għall-awtorità li qed tikkoopera mal-MFA li hija l-akbar assoċjazzjoni sportiva f’Malta f’din l-inizjattiva sportiva u soċjali. Dan għaliex, l-ARUC qiegħda twettaq b’mod konkret u prattiku l-messaġġ ewlieni tagħha favur għażliet naturali u aktar tajbin għas-saħħa flok l-użu tal-kannabis.
Dr Vella żied jgħid li dal-ftehim ser ikompli isaħħaħ l-impenn favur il-prevenzjoni tal-abbuż tad-droga u huwa kontinwazzjoni tas-sħubija li l-ARUC għandha mas-SEDQA f’diversi programmi edukattivi u ta’ għarfien dwar il-perikli tad-droga. Dan il-materjal edukattiv kontra d-droga ser jitqassam fost it-tfal fin-nurseries kif ukoll fin-nurseries stess.
Dr Matthew Paris – Senior Vice President tal-MFA qal li dan huwa proġett ieħor b’kollaborazzjoni diretta mal-Gvern, li ser jagħti sostenn lill-isports. Stqarr li dan il-ftehim huwa speċjali minħabba l-aspett soċjali tiegħu, għaliex ser jipprovdi l-aċċess lil kulħadd għal futbol. Dr Paris radd ħajr lil ARUC li aċċettaw li jkunu parti f’dan il-proġett soċjosportiv.