L-Accountant General qiegħed iħabbar il-ħruġ ta' Stock tal-Gvern ta' Malta ta' tliet mitt miljun Ewro (€300,000,000) f'xi wieħed jew f'kull wieħed minn dawn iż-żewġ stocks imsemmija aktar 'l isfel:-
- 3.80% Stock tal-Gvern ta' Malta 2036 (III); u
- 4.10% Stock tal-Gvern ta' Malta 2041(II)
Is-somma li għandha tinġabar tista' tiżdied b'ammont addizzjonali sa massimu ta' Ewro (€200,000,000) oħra f'każ li d-domanda tkun aktar mill-ammont offrut.
Membri tal-pubbliku li huma interessati li jinvestu, jistgħu japplikaw għall-ammont sa massimu ta' erba' mija disgħa u disgħin elf u disa' mitt Ewro (€499,900) kull persuna f'xi wieħed jew f'kull wieħed miż-żewġ stocks. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru minn persuna waħda jew flimkien ma' persuna jew persuni oħra. L-applikazzjonijiet għall-membri tal-pubbliku jintlaqgħu minn nhar it-Tnejn, l-20 ta' April 2026 fit-8.30 a.m. u jagħlqu fis-2.30 p.m. tal-Erbgħa, it-22 ta' April 2026 jew aktar kmieni, fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.
Applikazzjonijiet mingħand investituri wholesale magħmulin f'offerti b'irkant jiftħu il-Ġimgħa, l-24 ta' April 2026 fit-8.30 a.m. u jagħlqu 12.00 pm (f'nofsinhar) (CET) tal-istess ġurnata, jew aktar kmieni fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.
L-Accountant General ser ikun qed iħabbar il-prezz ta' kull stock li qegħdin jiġu offruti għas-sottoskrizzjoni lill-membri tal-pubbliku nhar il-Ħamis, is-16 ta' April 2026. Dawn il-prezzijiet ser jiġu ppubblikati permezz ta' stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI)
Ir-riżultat tal-allokazzjoni ta' kull stock li jiġi allokat lill-applikanti li l-applikazzjoni tagħhom kienet magħmula f'offerti b'irkant, jiġi mgħarraf sagħtejn wara l-ħin tal-għeluq tal-irkant.
Il-formoli tal-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu minn u jiġu ddepożitati għand il-membri kollha tal-Borża ta' Malta u fornituri oħra awtorizzati ta' servizzi ta' investiment. Formoli tal-applikazzjonijiet jistgħu jitniżżlu wkoll minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor (https://treasury.gov.mt/servizzi/) minn nhar il-Ġimgħa, is-17 ta' April 2026.
Aktar tagħrif dwar dawn l-istocks jinsab fiċ-Ċirkolari tal-Offerta li tista' titniżżel minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor minn nhar il-Ġimgħa, l-10 ta' April 2026.