gov.mt

pr260668

PR260668

20/04/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Eluf jattendu l-AgriFair 2026 f’Ta’ Qali



Eluf ta’ Maltin u Għawdxin attendew l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-AgriFair, li ttellgħet matul tlett ijiem fil-Malta Fairs & Conventions Centre f’Ta’ Qali. Dan huwa wieħed mill-akbar avvenimenti nazzjonali li huwa ddedikat għas-setturi tal-agrikoltura, is-sajd, l-akwakultura u d-drittijiet tal-annimali.

Matul dawn it-tlett ijiem, il-pubbliku kellu l-opportunità jżur firxa wiesgħa ta’ esebizzjonijiet li inkluda prodotti lokali, annimali, makkinarju modern u innovazzjonijiet relatati mal-produzzjoni agroalimentari. L-attendenza qawwija kienet xhieda tal-interess dejjem jikber fis-setturi primarji u tal-apprezzament lejn il-ħidma tal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-suċċess tal-fiera u qal li dan l-avveniment jibqa’ pjattaforma importanti biex jersaq aktar qrib il-poplu dak li jagħmlu kuljum il-ħaddiema fis-settur. Huwa saħaq li l-Gvern se jkompli jinvesti f’setturi li huma kruċjali għas-sigurtà alimentari u għall-ekonomija tal-pajjiż.

“L-attendenza qawwija li rajna matul dawn it-tlett ijiem turi kemm il-poplu Malti japprezza l-prodott lokali u l-ħidma tal-produtturi tagħna. Din hija wkoll konferma tal-ħtieġa li nkomplu nsaħħu dawn is-setturi b’investiment, innovazzjoni u sostenibbiltà,” sostna l-Ministru. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha, lill-organizzaturi u lill-partijiet kollha involuti li ħadmu bla heda sabiex din l-edizzjoni tal-AgriFair tkun suċċess ieħor kbir.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet,  “L-AgriFair ta' din is-sena kienet prova ċara tal-passjoni u d-dedikazzjoni tal-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda u dawk kollha li jaħdmu f'dawn is-setturi tant importanti. Din il-fiera mhix biss avveniment fejn nuru l-prodotti u l-ħidma tal-bdiewa u s-sajjieda tagħna, iżda wkoll opportunità biex inkomplu nsaħħu l-għarfien dwar is-setturi li huma essenzjali għall-ekonomija u s-sigurtà tal-ikel f'pajjiżna. Nirringrazzja wkoll lill-ħaddiema li b’impenn kienu strumentali biex din il-fiera tkun suċċess. Inħarsu ’l quddiem biex inkomplu nibnu fuq dan is-suċċess, filwaqt li nkomplu nappoġġjaw lill-produtturi tagħna u nsaħħu r-rabta bejn dawn is-setturi u l-komunità.”

Matul l-AgriFair inġabru madwar €60,000 b’risq il-Malta Community Chest Fund permezz tal-irkant u inizjattivi oħra ta’ ġbir ta’ fondi, li juru l-ġenerożità tal-pubbliku Malti lejn kawżi nobbli.

Min-naħa tagħha, id-Direttur għas-Servizzi tas-Support fi ħdan il-Ministeru, Estelle Sant, tenniet li t-tielet edizzjoni tal-Malta AgriFair kienet suċċess fuq kull livell, u esprimiet sodisfazzjon għax-xogħol kbir u l-impenn kontinwu tal-ħaddiema kollha tal-Ministeru li, b’dedikazzjoni u professjonalità, taw kontribut essenzjali biex dan l-avveniment importanti seta’ jitwettaq b’suċċess.

Matul il-fiera, ġew organizzati diversi attivitajiet edukattivi u interattivi, diskussjonijiet tematiċi u wirjiet li indirizzaw temi relatati mal-innovazzjoni, il-benesseri tal-annimali u l-prattiċi sostenibbli. Attivitajiet speċjali għat-tfal u l-familji komplew jagħtu dimensjoni edukattiva u ta’ divertiment lil dan l-avveniment.

L-AgriFair 2026 għalhekk għal darb’oħra kkonfermat ir-rwol tagħha bħala pjattaforma ewlenija li tgħaqqad flimkien il-komunità kollha madwar is-setturi agrikoli u marittimi, filwaqt li tippromwovi l-prodott lokali u l-eċċellenza Maltija.


​​​