Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda sejħa ġdida mmirata biex tkompli ssaħħaħ il-viżjoni tal-Gvern għal settur agrikolu aktar modern, sostenibbli u kompetittiv.
Din is-sejħa qed titnieda taħt il-Pjan Strateġiku tal-PAK 2023-2027 u hija mmirata biex tappoġġja investimenti produttivi direttament fuq l-azjendi agrikoli. Permezz tal-Intervent I73.5, għal proġetti sa €30,000, u I73.5.1 għal proġetti li jaqbżu €30,001, qed tingħata opportunità konkreta lill-bdiewa u r-raħħala biex jinvestu fil-futur tagħhom.
Is-sejħa hija sostnuta b'baġit ta' €6 miljun u tkopri proġetti li jvarjaw minn minimu ta' €1,000 sa massimu ta' €150,000 f'għotjiet. Il-kofinanzjament jilħaq sa 50%, li jista' jiżdied sa 65% għall-kategoriji għola ta' bdiewa, f'konformità mar-Regolamenti tal-2024 dwar il-Kategorizzazzjoni tal-Bdiewa. Sabiex wieħed jikkwalifika għal din ir-rata ta' appoġġ, dawk li għandhom bhejjem (Livestock) jew azjendi b'attività agrikola mħallta jridu jkunu klassifikati bħala Kategorija 4 jew ogħla, filwaqt li azjendi tal-uċuħ tar-raba' jridu jkunu klassifikati bħala Kategorija 3 jew ogħla.
Fil-każ ta' Bdiewa Żgħażagħ li waqqfu l-azjenda tagħhom taħt il-Pjan Strateġiku tal-PAK, japplika kofinanzjament ta' 80%.
L-investimenti eliġibbli jinkludu modernizzazzjoni tal-irziezet, sistemi ta' precision farming, sistemi ta' irrigazzjoni aktar effiċjenti, soluzzjonijiet għall-immaniġġjar tal-iskart, xiri ta' makkinarju, u inizjattivi oħra li jtejbu kemm il-produttività kif ukoll is-sostenibbiltà tas-settur.
Il-Ministru Anton Refalo qal li din l-iskema hija investiment dirett fil-futur tal-agrikoltura Maltija. Huwa saħaq li din l-inizjattiva se tkompli tħeġġeġ aktar żgħażagħ jidħlu fis-settur, filwaqt li ssaħħaħ l-innovazzjoni u l-użu tat-teknoloġija. Huwa żied li l-Gvern jibqa' impenjat li jappoġġja lill-bdiewa u r-raħħala permezz ta' miżuri konkreti li jagħtu riżultati tanġibbli, filwaqt li jtejbu l-kompetittività u r-reżiljenza tas-settur.
L-applikanti jridu jkunu reġistrati mal-IACS, ikollhom numru tal-VAT, u fejn applikabbli jkunu reġistrati bħala bdiewa ma' Jobsplus. Kull applikant jista' jissottometti applikazzjoni waħda biss sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-fondi.
Fir-rigward tal-implimentazzjoni, proġetti li jinvolvu biss tagħmir għandhom jitlestew fi żmien 6 xhur, filwaqt li proġetti infrastrutturali jew imħallta għandhom massimu ta' 15-il xahar.
Il-proċess ta' applikazzjoni huwa kompletament online u l-iskadenza għall-applikazzjonijiet hija t-12 ta' Ġunju 2026 f'nofsinhar. Għal aktar informazzjoni, applikanti prospettivi mitluba jżuru s-sit fondi.eu fejn isibu l-linji gwida għal din l-iskema.
Il-Ministru Refalo saħaq li “din hija opportunità importanti li ma għandhiex tintilef, sabiex flimkien inkomplu nibnu settur agrikolu aktar b'saħħtu, innovattiv u sostenibbli, li jagħti valur lill-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala u jħares lejn il-ġenerazzjonijiet futuri."
Barra din is-sejħa, il-Ministru fakkar ukoll li bħalissa għaddejja l-kampanja ta' applikazzjonijiet għall-pagamenti għas-sena 2026, li qed jintlaqgħu permezz tal-ARPA, u li jkopru pagamenti diretti, AECCs u ANC, b'madwar 6,900 applikazzjoni u potenzjal ta' madwar €18-il miljun f'ħlasijiet. L-applikazzjonijiet jintlaqgħu bejn l-1 ta' April u s-6 ta' Mejju 2026, b'applikazzjonijiet tard jintlaqgħu sal-20 ta' Mejju. Wara din id-data ma jibqgħux jiġu aċċettati iktar applikazzjonijiet .
Il-Ministru Refalo temm jgħid li sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-aċċess għas-servizzi waqt din il-kampanja ta' applikazzjonijiet, il-Front Office tal-ARPA f'Ta' Qali se jkun qed jestendi l-ħinijiet tal-ftuħ tiegħu għas-Sibtijiet, bejn is-7:30am u l-11:00am, mis-Sibt 25 ta' April 2026, sabiex il-bdiewa u r-raħħala jkollhom aktar opportunità ta' assistenza u appoġġ. Ħeġġeġ l-applikanti biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom fil-ħin.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jagħmel kuntatt fuq 22926148 jew [email protected].