gov.mt

pr260697

PR260697

22/04/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI Il-Ministru Caruana jħabbar ir-riżultati finanzjarji għas-sena 2025

​“Minkejja l-għajnuniet b'saħħithom li qed nagħtu lill-familji u lin-negozji f'dawn iż-żminijiet ta' sfidi internazzjonali u minkejja l-Budgets b'saħħithom li ppreżentajna, il-finanzi ta' pajjiżna baqgħu jissaħħu. Il-miri li fassalna mhux talli lħaqnihom talli pajjiżna qed jikseb riżultati aqwa. Dan hu l-għaqal u l-kredibilità li għandu dan il-Gvern fit-tmexxija tal-finanzi tal-pajjiż." Qal dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt li ħabbar ir-riżultati finanzjarji għas-sena 2025.

 

Il-Ministru Caruana qal li t-tkabbir ekonomiku mistenni jibqa' b'saħħtu u jkompli jissaħħaħ b'mod moderat fis-snin li ġejjin, fejn it-tkabbir nominali mistenni jibqa' stabbli, ftit aktar minn 6% fl-2025 u fl-2026, qabel ma jiżdied gradwalment għal 7.1% sal-2030. F'termini reali, it-tkabbir ekonomiku mistenni jonqos ftit, minn 4.0% fl-2025 għal 3.7% fl-2026, u jerġa' jissaħħaħ biex jilħaq 4.6% sal-2030.

 

Rigward id-defiċit, il-mira tal-Gvern għall-2025 kienet li dan jinżel għal -3.3%. Din il-mira mhux biss intlaħqet iżda l-Gvern għalaq is-sena tiegħu 1.1 punti perċentwali aħjar. Il-Ministru spjega kif fl-aħħar snin id-defiċit naqas b'mod gradwali u sinifikanti minn -8.7% fl-2020 għal -2.2% fl-2025, biex b'hekk niżel taħt il-limitu ta' -3.0%. Għas-snin li ġejjin, id-defiċit mistenni jkompli jitjieb b'mod kostanti minn -2.2% fl-2025 għal surplus ta' 0.1% sal-2029, b'titjib ta' madwar 0.6 punti perċentwali kull sena.

 

Dwar il-piż tad-dejn, il-Ministru spjega li minkejja li dan żdied minn 48.8% fl-2020 għal 50.3% fl-2022 fis-snin tal-pandemija u l-bidu tal-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, din il-figura reġgħet niżlet għal 46.4% fl-2025. Fis-snin li ġejjin il-piż tad-dejn mistenni li jkompli jonqos għal 38.9% sal-2030. Dan ifisser li l-piż ta' dejn f'pajjiżna ser jerġa' jinżel għal dak li kien lura f'nofs id-disgħinijiet. Dan kollu jispikka mal-fatt li taħt Gvern Nazzjonalista l-piż tad-dejn f'pajjiżna kien laħaq il-71.2% fl-2004. Ma' dan wieħed irid iżid il-fatt li taħt l-istess Gvern Nazzjonalista, għal ħmistax-il sena sħaħ, bejn l-1999 u l-2013, il-piż tad-dejn f'pajjiżna dejjem qabeż is-60.0%.

 

Il-Ministru Caruana tenna jgħid li l-piż tal-imgħax fuq id-dejn meta mqabbel mal-Prodott Gross Domestiku ukoll jinsab f'livelli minimi hekk kif dan mistenni jistabbilizza fil-livelli ta' 1.2%.​​
​