Il-Parlament approva mill-istadji kollha l-liġi li ser tagħti dritt ġdid liċ-ċittadini Maltin li biha ser ikunu jistgħu jirreġistraw Direttivi Mediċi bil-Quddiem dwar kura u trattamenti straordinarji li ma jkunux iridu f'każ ta' kundizzjonijiet mediċi li jista' jkollhom fil-futur.
Il-liġi tressqet mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg wara konsultazzjoni dettaljata mal-partijiet ikkonċernati ewlenin.
Fid-dibattitu fil-Parlament kien hemm kunsens wiesa dwar il-ħtieġa ta' din il-liġi għaliex fost oħrajn ser isaħħaħ il-kunċett tal-awtonomija personali fil-qasam tal-kura tas-saħħa.
Il-liġi, li ser tidhol fis-seħħ wara perjodu tranżitorju, ser tneħħi piżijiet emozzjonali fuq il-qraba f'mument mill-aktar diffiċli ta' vulnerabilità tal-persuna li tkun f'sitwazzjoni ta' saħħa serja u ma tkunx fi stat li tiddeċiedi għaliha nfisha. Għaldaqstant, il-liġi ser tipprovdi wkoll ċertezza legali għal professjonisti mediċi li jkunu qiegħdin jipprovdu l-kura.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg spjegat li l-liġi tal-living will tistabbilixxi kundizzjonijiet ta' saħħa partikulari meta jistgħu japplikaw direttivi mediċi bil-quddiem li jkunu saru mill-persuna wara li tkun ħadet deċiżjoni infurmata bl-għajnuna ta' professjonista mediku u tkun irreġistrat din id-direttiva quddiem nutar.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg raddet ħajr li kull min ta sehmu fit-tfassil ta' din il-liġi u awgurat li bil-koperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati ewlenin fosthom l-awtoritajiet tas-saħħa din il-liġi ser tipprovdi qafas serju u regolat li jirrispetta l-awtonomija u d-dinjità tal-persuni li jagħżlu li jkollhom direttiva medika bil-quddiem.