gov.mt

pr260772

PR260772

02/05/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Investiment ġdid fil-faċilitajiet sportivi f’San Ġwann

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żar il-grawnd tal-futbol f’San Ġwann fejn waqt iż-żjara tiegħu ġew spjegati l-pjanijiet biex dan il-grawnd jiġi modernizzat, proġett li se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-infrastruttura sportiva fiż-żona.

Dan il-grawnd jifforma spazju importanti għall-komunità, speċjalment għaż-żgħażagħ u għall-istudenti tal-iskola primarja li tinsab biswit, filwaqt li għandu rwol ċentrali biex itejjeb l-aċċessibbiltà u l-kwalità ġenerali tal-faċilitajiet sportivi f’din iż-żona.

Il-proġett jinvolvi l-modernizzazzjoni sħiħa tal-faċilità fuq medda ta’ madwar 4,500 metru kwadru, b’enfasi fuq il-ħolqien ta’ ambjent aktar modern, sigur u aċċessibbli għal kulħadd. L-għan ewlieni huwa li jiġi pprovdut spazju adegwat fejn it-tfal, iż-żgħażagħ u l-komunità jkunu jistgħu jipprattikaw l-isport f’kundizzjonijiet ta’ kwalità.

Ix-xogħlijiet se jinkludu t-tibdil tal-ilqugħ perimetrali eżistenti sabiex tiżdied is-sigurtà u l-kontroll tal-faċilità, kif ukoll l-installazzjoni ta’ turf sintetiku ġdid li se jissostitwixxi l-wiċċ attwali.

Dan il-proġett jifforma parti minn programm usa’ ta’ investiment fil-faċilitajiet sportivi mmexxi mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Fl-2025 biss, il-Fondazzjoni investiet aktar minn €1.3 miljun f’faċilitajiet sportivi f’diversi skejjel madwar Malta.

Dan il-proġett huwa parti minn viżjoni usa’ li tkompli ssaħħaħ l-investiment f’infrastruttura moderna li tappoġġja stil ta’ ħajja attiv u b’saħħtu. Proġetti simili huma ppjanati wkoll f’diversi lokalitajiet, fosthom Fgura, Ħad-Dingli, Ħal Kirkop u Santa Luċija, fejn bħalissa jinsabu fl-istadju tal-akkwist pubbliku.

Apparti dan, l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS), bħala parti mill-kampanja edukattiva tagħha, se tkun qed tagħti rikonoxximent lill-governanza tajba u lill-integrità fl-isport waqt is-Serata Annwali tal-Isportivi Ġwanniżi organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann. Barra minn hekk, l-AIMS se tniedi programm edukattiv waqt il-kamp ta’ taħriġ tas-Sajf li San Ġwann Football Club se jorganizza bejn Lulju u Awwissu, fejn se jipparteċipaw żgħażagħ, ġenituri, kowċis u amministraturi. It-temi se jinkludu l-anti-doping, l-imħatri fl-isport, il-manipulazzjoni ta’ kompetizzjonijiet sportivi, il-governanza tajba kif ukoll is-salvagwardja fl-isport.

Barra minn dan, il-klabb ibbenefika minn fondi tal-innovazzjoni li permezz tagħhom seta’ jinvesti f’apparat modern relatat mal-match analysis, pass importanti biex tkompli titjieb il-prestazzjoni u l-iżvilupp tekniku tat-timijiet u tal-plejers.

Il-Ministru Grima sostna li, “Meta ninvestu f’faċilitajiet sportivi, inkunu qed ninvestu direttament fis-saħħa, fid-dixxiplina u fil-futur taż-żgħażagħ tagħna. Dan il-proġett f’San Ġwann huwa eżempju ċar tal-impenn tagħna biex noffru spazji moderni u aċċessibbli fejn il-komunità kollha tista’ tipparteċipa fl-isport u tgħix ħajja aktar attiva.”

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll diriġenti tal-klabb tal-futbol ta’ San Ġwann u s-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann.

​​

​